29.4.14

Is-settur privat għandu jitqies bħala sieħeb ewlieni fis-servizz tas-saħħa għal Malta Aħjar



Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-isptarijiet u kliniċi privati għandhom ikunu sħab tal-Gvern fis-settur tas-saħħa biex titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizz fl-interess tal-pazjent. Għalhekk, aħna nilqgħu kull inizjattiva li jieħu l-Gvern biex jinvolvi lis-settur privat fil-qasam tas-saħħa, xi ħaġa li wettaq il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u li ilna nitolbu li Gvern Laburista jagħmel sa mill-ewwel ġurnata ta’ din il-leġiżlatura. 

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel lill-Isptar Saint James f’Ta’ Sliema dalgħodu. Simon Busuttil iltaqa’ mad-diretturi, il-maniġment, it-tobba, l-infermiera, speċjalisti u membri tal-amministrazzjoni tal-isptar. Hu kien akkumpanjat mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia, Kevin Plumpton u Francis Zammit Dimech.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li s-saħħa minn dejjem kienet waħda mill-pilastri ewlenin tal-Partit Nazzjonalista għaliex hu settur li jħalli impatt enormi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. “Hu għalhekk li qegħdin ninsistu fuq politika mibnija fuq il-kunsens f’settur daqstant delikat. Kunsens fis-settur tas-saħħa jfisser li l-politika u d-deċiżjonijiet prinċipali jsiru permezz ta’ diskussjoni bejn iż-żewġ naħat biex b’hekk tkun tista’ titwettaq politika aktar fit-tul minflok dik limitata minn leġiżlatura għall-oħra. Ifisser li s-settur tas-saħħa jkun għal kulħadd u mhux għal tal-qalba. Aħna qegħdin naħdmu għal Malta Aħjar,” tenna Dr Busuttil. 

Simon Busuttil sostna li l-Partit Nazzjonalista dejjem qies lill-isptarijiet privati, inkluż l-Isptar Saint James, bħala sħab importanti fis-settur tas-saħħa. Hu fakkar kif fil-ħames snin li għaddew kien sar ftehim biex jinaqqsu l-waiting lists u pressjoni fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza billi jsir outsourcing ta’ interventi li setgħu jsiru mill-privat kif ukoll operat ta’ servizzi ta’ emerġenza biex jibbilanċja s-servizz mogħti mill-Isptar Mater Dei. Fuq medda ta’ sentejn, aktar minn 3,200 pazjent ibbenefikaw minn dan is-servizz. “Dan hu evidenza ċara li dawn l-inizjattivi taw riżultati effettivi u kienu bażi tajba biex il-Gvern attwali jkompli jespandi fuqhom,” enfasizza Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu ta’ dispjaċir għall-Partit Nazzjonalista li l-Gvern ħela sena f’dan is-settur daqstant kruċjali, tant li reġgħu bdew jiżdiedu l-waiting lists f’ċerti operazzjonijiet u interventi. Dr Busuttil qal li mhijiex kumbinazzjoni li l-Gvern issa ffirma ftehim mal-Isptar Saint James fl-istess ħin li hu kien qed idur l-isptar. “Ninsab sodisfatt li ż-żjara tiegħi fl-Isptar Saint James kienet l-ixprun biex il-Gvern Laburista jagħmel dan l-ewwel pass,” qal Dr Busuttil.

Simon Busuttil fisser kif il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen bis-sħiħ fil-koperazzjoni bejn is-settur pubbliku u privat. Aħna ma nemmnux li l-privat għandna nirrikorru għalih biss bħala xi forma ta’ stop-gap solution meta qegħdin daharna mal-ħajt. Għall-kuntrarju, għandu jkollu rwol ewlieni fl-għoti tas-servizzi essenzjali, b’funzjoni kumplimentari mal-Isptar Mater Dei. Nemmnu li l-isptarijiet privati jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni għall-problemi dejjem jikbru ta’ waiting lists kif ukoll ta’ bed shortages, fejn fil-każ tan-nuqqas ta’ sodod ilna xhur sħaħ naraw iffullar ta’ sodod fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei, li qiegħed iwassal biex pazjenti ma jingħatawx l-aftercare kollu neċessarju.

Fuq kollox, qal Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu biex is-settur tas-saħħa jimxi ’l quddiem. “Għalina l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u tal-familji tagħhom jinsab fuq nett tal-aġenda tagħna, u b’servizz aħjar inkunu qed naħdmu għal Malta Aħjar,” temm jgħid Simon Busuttil. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: