21.4.14

Il-qasam tas-saħħa mentali huwa sensittiv wisq biex jispiċċa ballun politiku.



Il-qasam tas-saħħa mentali huwa sensittiv wisq biex il-Gvern idawru f’ballun politiku, l-aktar minħabba l-fatt li l-pazjenti f’dan il-qasam għandhom bżonn għożża, attenzjoni u kura professjonali. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jemmen li d-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-qasam tas-saħħa mentali fl-aħħar sitt xhur huma ta’ tħassib serju, aktar u aktar meta dawn saru fl-aktar perjodu sensittiv li qatt għadda minnu dan is-settur, proprju hekk kif jidħlu fis-seħħ numru ta’ provvedimenti fil-Liġi dwar is-Saħħa Mentali f’pajjiżna. 

Dan stqarru l-Kelliem għas-Saħħa tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech wara laqgħa li kellu mal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u l-Anzjani Dr John Cachia dalgħodu.

Il-Kelliem għas-Saħħa qal li l-Att dwar is-Saħħa Mentali (Kap. 525 tal-Liġijiet ta’ Malta) stabbilixxa qafas legali u amministrattiv sabiex issir qabża fil-kwalità fil-kura tas-saħħa mentali. Din il-liġi poġġiet il-pilastri tal-kura fil-qasam tas-saħħa mentali fuq sisien sodi bil-għan prinċipali li pajjiżna jkollu qafas wieħed ta’ kura mentali li jkopri kemm l-aspett istituzzjonali (jiġifieri l-Isptar Mount Carmel) kif ukoll dak fil-komunità.

Kien għalhekk li l-Gvern Nazzjonalista preċedenti ħadem biex fassal dan il-qafas b’mod li jista’ jintegra ż-żewġ oqsma (l-Isptar Mount Carmel u l-kura fil-komunità) taħt kappa waħda biex b’hekk tkun tista’ tiġi attwata politika komuni fil-kura tas-saħħa mentali, qal Claudio Grech. Huwa sostna li kien għalhekk ukoll li l-Kap Eżekuttiv li nħatret f’dan il-qasam intgħażlet wara sejħa għall-applikazzjonijiet pubblika u wara li l-applikanti ġew eżaminati minn panel ta’ esperti li kienu jinkludu professjonisti internazzjonali f’dan il-qasam. 

Sfortunatament, b’sensiela ta’ manuvri f’temp ta’ ftit xhur, il-Gvern Laburista warrab dak kollu li nbena f’dan is-settur u sfortunatament reġa’ daħħal il-partiġjaniżmu f’settur daqstant sensittiv. Bid-deċiżjoni tiegħu li: 

1.       Ineħħi lis-Sinjura Dolores Gauci minn Kap Eżekuttiv għall-Kura tas-Saħħa Mentali, u jirrelegaha għal Chief Operating Officer fil-Kura fil-Komunità;
2.       Ineħħi liċ-Chief Operating Officer tal-Isptar Mount Carmel biex ħoloq l-ispazju għal min ried jappunta hu;
3.       Billi appunta Sindku Laburista (mingħajr esperjenza f’dan il-qasam) bħala ċ-Chief Operating Officer tal-Isptar Mount Carmel, mingħajr sejħa għall-applikazzjonijiet; u 
4.       Ikkompleta l-manuvra sħiħa billi issa ttermina l-kuntratt tas-Sinjura Gauci ġurnata xogħol qabel ma skada l-perjodu ta’ probation tagħha. 

Il-Kelliem għas-Saħħa fakkar li dan is-settur hu intiż biex joffri l-kura lil persuni li huma vulnerabbli jew li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli ħafna f’ħajjithom. Għalhekk, anke f’dan il-każ, minkejja sensiela ħafna itwal ta’ manuvri partiġjani li seħħew, l-Oppożizzjoni aġixxiet b’mod kawt ħafna fid-dawl tas-sensittività ta’ dan is-settur. Fil-fatt, meta feġġ l-għajdut dwar il-pjan tal-Gvern, l-Oppożizzjoni kienet illimitat ruħha biex tappella lill-Ministru sabiex ma jaqbadx din ir-rotta ta’ politiċizzazzjoni tas-settur tas-saħħa, b’mod partikolari dak tas-saħħa mentali. Sfortunatament, l-appell tal-Partit Nazzjonalista ġie injorat sabiex il-partiġjaniżmu pprevala fuq is-sens komun u l-interess tal-pazjenti u l-familji tagħhom. 

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jisħaq, għal darb’oħra, li dan is-settur ma jistax jibqa’ jiġi politiċizzat u s-soluzzjonijiet għall-isfidi jridu jinstabu fuq bażi kunsenswali u ’l bogħod mill-partiġjaniżmu. Dan ma jista’ jirrealizza ruħu qatt jekk karigi bħal dawk fit-tmexxija fil-qasam tas-saħħa jibqgħu jsiru b’dan il-mod. 

Għal dan il-għan, Claudio Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob lill-Ministru Konrad Mizzi u lis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne biex fil-bidu tal-karigi rispettivi tagħhom juru rieda tajba, jerġgħu jikkunsidraw dawn id-deċiżjonijiet u jreġġgħu dawn id-deċiżjonijiet lura biex verament jiġu mħarsa l-interessi tal-pazjenti. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: