29.4.14

Il-Prim Ministru qed ikun diżonest dwar Għawdex.



F’attività politika tal-Partit Laburista f’Għawdex ilbieraħ, il-Prim Ministru kien diżonest meta stqarr li Gvern Nazzjonalista kien b’xi mod falla biex jikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea li Għawdex għandha tiġi rikonoxxuta bħala reġjun. Din hi gidba u huwa diffiċli temmen li l-Prim Ministru għamel din id-dikjarazzjoni bi żball meta wieħed jikkonsidra li Joseph Muscat serva bħala Membru tal-Parlament Ewropew għal ammont ta’ snin u jaf li l-istatus ta’ Għawdex bħala reġjun ilu rikonoxxut fit-trattat ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. 

Il-fatt hu li Gvern Nazzjonalista kiseb record ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea ta’ €1,128 miljun għas-seba’ snin li ġejjin. Din hija rebħa doppja għal pajjiżna meta wieħed jikkunsidra li l-baġit globali tal-Unjoni Ewropea naqas għal dan il-perjodu u mhux żdied. Id-dokument li tkellem dwaru b’diżonestà l-Prim Ministru Muscat jirreferi għal talba li kienet qed issir biex tilqa’ għall-eventwalità li Malta ma tingħatax il-pakkett sħiħ mitlub bl-argument ta’ Objective 1 status. Il-fatt li Malta kisbet iktar milli kien fil-fatt ġie proġettat ifisser li d-dokument li qiegħed jirreferi għalih Muscat ġie superceded għax Għawdex issa akkwistat il-fondi u l-pakkett sħiħ li kien qed jimmira għalihom il-Gvern.

L-attentat ta’ Joseph Muscat li jtappan it-track record pożittiv tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex hu indikattiv ta’ żewġ affarijiet:

  1. L-uniku risposta li għandu Joseph Muscat għad-diżappunt tal-poplu Għawdxi għall-performance tiegħu f’Għawdex hi d-diżonestà politika. Kieku Joseph Muscat ried verament jitratta b’serjetà d-dokument li rrefera għalih, kien iqajjmu minnufih fil-Parlament sena ilu u mhux iqajjimha fl-eqqel ta’ kampanja elettorali.  
  2. Joseph Muscat qed jipprova jitfa’ t-tajn biex jaħbi l-fatt li hu ħela sena biex japplika għall-fondi tal-Unjoni Ewropea li kiseb għal pajjiżna Gvern Nazzjonalista, inkluż għal Għawdex.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: