24.4.14

Il-PN se jkompli jaħdem biex aktar fondi Ewropej jiġu allokati speċifikament għan-negozji ż-żgħar.



Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li n-negozji żgħar u medji u s-self-employed huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Aktar minn 96% tal-kumpaniji privati f’Malta huma negozji żgħar u medji u self-employed. Għalhekk, l-SMEs qegħdin joħolqu eluf ta’ postijiet tax-xogħol u għandhom jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa biex jirnexxu. Dan l-impenn il-Partit Nazzjonalista se jkompli jġeddu bil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, għaliex ħidma favur in-negozji ż-żgħar u s-self-employed hu ħidma favur Malta Aħjar. 

Dan stqarru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara fil-Kumpless Arkadia f’Victoria, Għawdex. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Chris Said, il-Kelliema għal Għawdex Giovanna Debono u Frederick Azzopardi u mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Cutajar u Francis Zammit Dimech.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fin-negozji ż-żgħar u dejjem ħadem sabiex in-negozji u ħwienet f’Għawdex jingħataw l-appoġġ kollu neċessarju sabiex jiżviluppaw u joħolqu x-xogħol. Hu stqarr li l-Partit Nazzjonalista ħadem bis-sħiħ biex fondi Ewropej tal-ERDF jiġu allokati speċifikament għall-SMEs, daħħal l-Att dwar in-Negozji Żgħar, nieda skema ta’ tax credits magħrufa bħala MicroInvest, b’inċentivi akbar għan-negozji Għawdxin, u flimkien ma' bank lokali nieda skemi b’rati ta’ imgħax vantaġġjuża. “Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem u se jkompli jaħdem sabiex l-intrapriżi żgħar u medji jimxu ’l quddiem għaliex negozji b’saħħithom ifissru iktar xogħol għal Malta Aħjar,” qal Simon Busuttil. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li sfortunatament, sena ta’ Gvern Laburista ma wasslitx għal ideat ġodda favur in-negozji Maltin u Għawdxin, ħlief it-tkomplija nofs kedda ta’ xi skemi li kienu nbdew fil-leġiżlatura preċedenti. “Filwaqt li l-Prim Ministru uża l-enerġija tiegħu sabiex jaqdi lil tal-qalba, inkluż f’Għawdex, is-sitwazzjoni tal-ħwienet ma marritx għall-aħjar u m’hemmx viżjoni li qiegħda tinkoraġixxi l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol.”

Simon Busuttil qal li jeżisti sentiment qawwi fost il-poplu Malti u Għawdxi li Malta ma marritx għall-aħjar f’din l-ewwel sena ta’ Gvern Laburista, u dan huwa kkonfermat mill-ambjent ekonomiku u mill-fiduċja tal-konsumatur fis-suq. Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li l-bejgħ fil-qasam tar-retail – bħall-ħwienet li jinsabu fil-Kumpless Arkadia – naqas 5 darbiet fl-aħħar 7 xhur tal-2013, filwaqt li s-sena ta’ qabel il-bejgħ kien l-aħjar meta mqabbel mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. “Din id-daqqa nħasset ferm aktar qawwija f’Għawdex. Hawn suq ħażin f’Għawdex. Għawdex ma marx għall-aħjar,” enfasizza l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li n-negozji f’Għawdex jeħtieġu attenzjoni speċjali. Hu għalhekk li l-Membri tal-Parlament Ewropew eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista se jibqgħu jaħdmu sabiex pajjiżna jkun jista’ jibqa’ jattira lejh investiment li minnu jista’ jgawdi Għawdex ukoll, b’inċentivi speċifiċi għal min jinvesti f’din il-gżira. Huwa fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li ħadem biex ikkommetta 10% tal-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-gżira Għawdxija u n-negozji tiegħu. Għalhekk f’din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jaħdem biex għall-ewwel darba jikseb it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew bil-għan li nkomplu naħdmu għal Għawdex Aħjar. 

-- 
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: