29.4.14

Il-PN jippreżenta 52 kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi għal-Lokalitajiet iż-Żgħar.



Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta tim b’saħħtu ta’ 52 kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi għal-Lokalitajiet iż-Żgħar (hamlets). Dan qed jagħmlu għaliex jemmen fil-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell l-aktar qrib taċ-ċittadini u r-residenti. Aħna ġenwinament nemmnu li f’kull livell, għandna noffru lilna nfusna sabiex inkunu ta’ servizz għar-residenti. 

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-preżentazzjoni tat-52 kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi għal-Lokalitajiet iż-Żgħar, li għaliha hu kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.

Mit-52 kandidat li qiegħed iressaq il-Partit Nazzjonalista, 20 kandidat - kważi 40% - huma nisa. “Dan jikkonferma l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istrutturi u l-livelli kollha tal-partit, inkluż permezz tal-bidliet li saru fl-Istatut,” tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta 52 kandidat, il-Partit Laburista qed iressaq 24 kandidat biss għal dawn l-elezzjonijiet. Dan se jwassal biex isiru elezzjonijiet f’5 mis-16-il lokalità differenti biss li fihom saret sejħa għan-nomini għall-Kumitati Amministrattivi għal-Lokalitajiet iż-Żgħar. 

Simon Busuttil fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li welled u saħħaħ il-Kunsilli Lokali u kien Gvern Nazzjonalista li fl-aħħar leġiżlatura introduċa l-kunċett ta’ Kumitati Amministrattivi fil-Lokalitajiet iż-Żgħar fl-aħħar riforma li saret fil-Liġi tal-Kunsilli Lokali. Dan juri l-kuntrast bejn iż-żewġ partiti għaliex illum, Gvern Laburista qiegħed saħansitra jindaħal fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali. Dan qed isir billi l-Gvern idawwar deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-Kunsilli Lokali stess bħalma ġara f’każijiet fejn il-Kunsilli ħadu deċiżjonijiet relatati ma’ parkeġġ residenzjali. Fuq kollox, il-Gvern naqqas il-Baġit allokat għall-Kunsilli Lokali fil-Baġit għall-2014 b’tali mod li l-Kunsilli Lokali ma jistgħux jesegwixxu b’mod tajjeb ir-responsabbiltajiet tagħhom, li kull ma jmur qed jiżdiedu. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkonkluda l-preżentazzjoni billi rringrazzja lill-kandidati kollha li qed jipparteċipaw f’dawn l-elezzjonijiet, u ħeġġeġ lir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet biex jipparteċipaw fil-ħidma ta’ dawn il-Kumitati Amministrattivi b’risq il-komunitajiet tagħhom.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: