21.4.14

Il-PN fil-Parlament Ewropew għal Malta Aħjar.



Il-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-politika għal għan wieħed ċar, dak li jagħti sehmu għal Malta Aħjar. Huwa b’dan il-messaġġ pożittiv li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq il-kandidati tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Fl-istess waqt, din l-elezzjoni toffri lill-pubbliku l-opportunità li jitkellem bil-vot tiegħu, għaliex tul din l-ewwel sena Gvern Laburista ma wettaqx il-ħafna wegħdiet li għamel lill-poplu Malti u ma żammx il-kelma tiegħu li jibni Malta li hi Tagħna Lkoll, Malta Aħjar. 

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat il-ftuħ tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema “Malta Aħjar”. 

Il-PN partit kostruttiv li qed jaħdem għal Malta Aħjar

Simon Busuttil spjega li tul din is-sena l-Partit Nazzjonalista ħadem b’mod kostruttiv u pożittiv għal Malta Aħjar. Lil hinn mir-rettorika ta’ Joseph Muscat il-fatti juru li l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament ivvota favur 80% tal-liġijiet u għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna appoġġja lil persuna nominata mill-kamp politiku oppost għall-kariga ta’ President ta’ Malta. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta elenku ta’ miżuri kostruttivi li ppropona l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament u li se jwasslu għal titjib fil-governanza u fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, fosthom emenda Kostituzzjonali li tabolixxi għalkollox id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, Kumitat dwar is-Saħħa fil-Parlament sabiex jiddiskuti s-settur tas-saħħa b’mod strateġiku, kif ukoll Kumitat Parlamentari dwar l-Imġieba fil-Ħajja Pubblika. 

Simon Busuttil stqarr li kuntrarju għall-Prim Ministru Muscat, il-Partit Nazzjonalista kontinwament ħadem biex jinbena kunsens fuq l-aktar kwistjonijiet li qajmu kontroversja politika, inkluż l-iskema dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza, id-deċiżjoni li jinħażen il-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk, il-liġi dwar l-unjoni ċivili, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni tad-data personali u sensittiva tat-tfal u l-ħtieġa ta’ pjan dwar il-ħolqien tax-xogħol. Dan biex flimkien nibnu Malta Aħjar. 

Joseph Muscat ma ħadimx għal Malta Aħjar u ma beniex Malta li hi Tagħna Lkoll

Iżda filwaqt li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni ħadem bis-sħiħ favur Malta Aħjar, mhux l-istess jista’ jingħad għall-Prim Ministru Muscat. F’dawn l-elezzjonijiet wieħed irid jistaqsi jekk issa li għaddiet sena ta’ Gvern Laburista, Malta hix qiegħda f’sitwazzjoni aħjar milli kienet qabel. Malta hi Tagħna Lkoll kif wiegħed Joseph Muscat?

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li bir-raġun il-poplu Malti u Għawdxi stenna iktar minn Joseph Muscat. Il-poplu Malti stenna li l-Prim Ministru Muscat jaħdem favur il-meritokrazija iżda minflok wettaq take-over fl-istituzzjonijiet importanti tal-pajjiż bħall-Pulizija u l-Armata, u tal-awtoritajiet pubbliċi kollha. Joseph Muscat ħatar biss lil nies tal-qalba fil-bordijiet tal-Gvern u saħansitra biddel il-liġi biex id-deputati parlamentari jkunu jistgħu jiġu appuntati f’awtoritajiet suppost indipendenti.

Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru wiegħed trasparenza, responsabbiltà politika, ġlieda kontra l-korruzzjoni u li jkun Gvern li jisma’. Iżda minflok ta maħfra lil min xaħħam lil uffiċjali pubbliċi biex ikun jista’ jisraq id-dawl, lagħab għall-ħin sabiex Lino Farrugia Sacco ma jitneħħiex minn Imħallef, wera nuqqas ta’ trasparenza fis-salarji u perkaċċi tan-nies tal-qalba li appunta bħal Jimmy Magro u l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, u wera nuqqas ta’ trasparenza anke fl-imġiba tal-Ministri tiegħu, bħall-każ tal-Ministru Owen Bonnici. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-poplu Malti u Għawdxi stenna li Joseph Muscat iżomm mal-wegħdiet tiegħu fl-oqsma kruċjali tax-xogħol u s-saħħa. Iżda minflok, pajjiżna llum qiegħed jiffaċċja żieda fil-problema tal-qgħad, li qed jinħeba billi Muscat jimpjega lin-nies mal-Gvern u Garanzija taż-Żgħażagħ li ma ġietx implimentata. Fil-qasam tas-saħħa l-Prim Ministru Muscat wiegħed li jnaqqas il-waiting lists  u minflok qegħdin jiżdiedu u wiegħed li jibgħat il-mediċini fid-djar tan-nies u spiċċa jindaħal f’min jieħu l-mediċini u min ma jeħodhomx. 

Għal dawn ir-raġunijiet, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kull min hu diżappuntat b’Joseph Muscat għandu jitkellem bil-vot tiegħu fl-24 ta’ Mejju.

Il-PN l-aħjar għażla biex fl-Ewropa jaħdem għal Malta Aħjar

Simon Busuttil stqarr li l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hi elezzjoni importanti ħafna għax illum nofs il-liġijiet li jiddaħħlu f’pajjiżna jitfasslu l-ewwel fuq livell Ewropew. Hu qal li t-track record tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew fuq medda ta’ għaxar snin – żewġ leġiżlaturi sħaħ – hu pożittiv u jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak tal-Partit Laburista. Il-Partit Nazzjonalista ħadem bis-sħiħ favur Malta Aħjar fil-Parlament Ewropew. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din l-elezzjoni hija importanti wkoll għaliex għall-ewwel darba, ir-riżultat li jiksbu l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea se jkollu effett ċar fuq l-għażla ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Dan hu rwol kruċjali għal pajjiżna u l-persuna li qed titressaq mill-Partit Popolari Ewropew hu Jean-Claude Juncker, ħabib ta’ Malta li ġej minn pajjiż żgħir – il-Lussemburgu – u li jifhem ir-realtajit ta’ Malta. 

Għal dawn ir-raġunijiet, u biex il-Partit Nazzjonalista jkun aktar effettiv fil-Parlament Ewropew, il-mira tagħna hi li għall-ewwel darba ntellgħu tliet siġġijiet fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qal Simon Busuttil. B’hekk inkunu aktar effettivi fil-ħidma tagħna favur Malta Aħjar. 

Il-PN se jwettaq kampanja pożittiva mibnija fuq in-nies – Chris Said

Matul it-tnedija tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said li qal li l-Partit Nazzjonalista se jwettaq kampanja pożittiva u li hi bbażata fuq in-nies. Hu qal li aħna qegħdin hawn, bħal kull min huwa ġenwin fil-politika, sabiex insaħħu lil pajjiżna, naħdmu flimkien biex inżidu x-xogħol u l-kummerċ għall-businesses, u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji.

Chris Said stqarr li l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista se tkun iffukata fuq in-nies: fuq il-familji, l-anzjani, l-istudenti, il-ħaddiema u min jimpjega, u s-self-employed. Għalhekk il-prijorità tagħna hi li niltaqgħu man-nies iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra. Il-poplu għandu jistenna kampanja ffukata fuq in-nies u mhux fuq il-billboards u x-xenxilli. 

Is-Segretarju Ġenerali spjega li fil-build-up għal din l-elezzjoni u matul din il-kampanja elettorali l-amministrazzjoni u l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista se jkunu daħlu f’6,000 dar privata u ħwienet jew uffiċċji fil-lokalità, fi kważi l-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex. Hu qal li din qiegħda tkun esperjenza straordinarja, li nifhmu l-ħtiġijiet tal-familji u kif nistgħu niżviluppaw il-politika tagħna biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-negozji u tal-familji. 

Chris Said sostna li fiż-żjarat li saru lill-familji u n-negozji l-Partit Nazzjonalista fehem il-messaġġ tan-nies. Iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-Prim Ministru Muscat li qiegħed jirrombla minn fuq kulħadd. Għal din ir-raġuni jinħass sens ta’ diżappunt qawwi mill-poplu Malti u Għawdxi għall-fatt li l-Prim Ministru ma wettaqx Malta li hi Tagħna Lkoll.

Is-Segretarju Ġenerali għalaq billi tenna l-mira tal-Partit Nazzjonalista li għal din l-elezzjoni jtella’ t-tielet siġġu fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Din tkun kisba importanti li l-Partit Nazzjonalista jkun iktar effettiv fil-ħidma tiegħu favur Malta Aħjar. Hu stieden lill-pubbliku sabiex jipparteċipa fir-rally li se jittella’ fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista llum it-Tnejn. 

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista

No comments: