21.4.14

Il-Partit Nazzjonalista se jorganizza Konferenza Nazzjonali għall-Isport.




Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-isport u l-popolarizzazzjoni tiegħu għandu jintrefa ’l fuq mill-politika partiġjana u jkun għan ċar li naħdmu għalih flimkien bħala nazzjon. Il-Partit Nazzjonalista mhuwiex Oppożizzjoni passiva u li qiegħda hemm biss biex tikkritika, iżda tul din il-leġiżlatura se jkun qed jagħti l-ideat tiegħu sabiex l-isport f’Malta jkompli miexi ’l quddiem.

Dan qalu l-Kelliem għaż-Żgħażagħ u Sport tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, li matulha tħabbret Konferenza Nazzjonali għall-Isport li se tiġi organizzata mill-Partit Nazzjonalista u mill-fergħa Tim Sport PN.

Din il-konferenza, li se ssir bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju li ġej, se tiġi organizzata b’kollaborazzjoni ma’ numru ta’ għaqdiet sportivi li se jkunu qegħdin jagħtu esibizzjonijiet tad-dixxiplini sportivi tagħhom waqt l-istess konferenza.

Filwaqt li feraħ lis-Segretarju Parlamentari ġdid għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u Sport Chris Agius, Robert Cutajar tenna li l-Oppożizzjoni lesta taħdem id f’id mal-Gvern fuq oqsma daqstant importanti għas-soċjetà tagħna. Hu saħaq li dan is-settur huwa wieħed li jfisser ħafna għall-Partit Nazzjonalista, u din il-konferenza se sservi biex tagħti rwol u għarfien akbar kemm lill-partit kif ukoll lill-pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista lest li, bil-fatti, jaħdem spalla ma’ spalla mal-Gvern sabiex l-isport f’pajjiżna jagħmel il-qabża li hemm bżonn, u proprju għalhekk tul din il-konferenza se jiġu trattati suġġetti partikolari bħall-obeżità, ir-razziżmu, l-inklużjoni, u l-formazzjoni tal-karattru tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, li huma l-irġiel u n-nisa t’għada.

F’din il-Konferenza Nazzjonali se jipparteċipaw ukoll protagonisti internazzjonali fil-qasam tal-isport, fosthom iċ-Chief Editor ta’ Sky Sports Nick Powell, l-ewwel atleta Taljan li rebaħ medalja fl-Olimpjadi Felipe Mariani, atleta Ingliża li għandha rekord mondjali fl-isport tal-ultra distance Sharon Gaytor, kif ukoll eks plejer ta’ Juventus li rebaħ unuri kbar fis-snin tmenin Beniamino Vignola.

Għal din il-konferenza se jigu mistiedna s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u Sport Chris Agius, il-kelliema għal dan l-istess settur mill-Alternattiva Demokratika Dr Kler Azzopardi, kif ukoll l-għaqdiet sportivi kollha Maltin u Għawdxin flimkien mal-atleti tagħhom, il-Kunsilli Lokali u diversi organizzazzjonijiet lokali, fosthom il-Kumitat Olimpiku Malti u l-Kunsill Malti għall-Isport.

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll Robbie Ebejer, Chairman ta’ Tim Sport PN, kif ukoll il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norman Vella, li esprimew l-importanza tal-isport għal soċjetà b’saħħitha, u kif kulħadd għandu jkollu l-interess li jippromwovi għarfien u t-talent fl-isport, b’mod estern minn tilwim politiku li jista’ jkun preżenti f’oqsma oħra.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: