29.4.14

Il-Partit Nazzjonalista se jkun it-tarka tal-ħaddiema fl-Ewropa.




Il-Partit Nazzjonalista ħadem favur is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għax dejjem kien konvint li Malta tkun aħjar fl-Ewropa. Illum, għaxar snin wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Partit Nazzjonalista qed jersaq quddiem l-elettorat b’konvinzjoni u b’wegħda ġenwina li jkun it-tarka tal-ħaddiema, tas-sidien tan-negozji u tal-familji Maltin u Għawdxin fl-Ewropa.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’għeluq il-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-Partit Nazzjonalista fil-Grand Hotel Excelsior, il-Furjana, li matulu ġie approvat il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lil kull min ħadem sabiex pajjiżna jieħu l-pass kuraġġjuż li jsir membru tal-Unjoni Ewropea, fosthom Eddie Fenech Adami, Guido de Marco, Lawrence Gonzi, Joe Borg u Richard Cachia Caruana. Hu qal li issa li din il-ġimgħa se niċċelebraw għaxar snin ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, għandna nħarsu ’l quddiem u nibqgħu naħdmu għal Malta Aħjar. 

Il-Partit Nazzjonalista jfisser Malta Aħjar

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem għal Malta Aħjar għaliex dejjem ipprattika l-valuri tal-verità, l-onestà u s-serjetà fil-politika. “B’wiċċu minn quddiem, il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem sabiex iservi lin-nies u mhux biex jisserva bin-nies,” qal Simon Busuttil, filwaqt li tenna li l-Partit Nazzjonalista jrid mill-ġdid isir il-partit tan-nies u man-nies: “partit li jgħin u jaħdem għan-nies u li jużakx u jarmik. Partit li jkun miegħek kemm qabel u anke wara l-elezzjoni.”

Simon Busuttil sostna li l-Partit Nazzjonalista fl-Ewropa jrid ikompli jkun il-partit li jgħin u jaħdem favur il-Maltin u l-Għawdxin kollha u mhux partit li jbigħ ruħu kif għamel Gvern Laburista. Għalhekk qed jaħdem biex għall-ewwel darba jtella’ t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew. B’ħidma serja u bil-kompetenza tal-kandidati li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista l-vot tiegħek jista’ verament jissarraf f’Malta Aħjar, qal Simon Busuttil. 

Malta jixirqilha aħjar mit-tmexxija għal tal-qalba ta’ Joseph Muscat

Iżda filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem għal Malta Aħjar f’kull ma jgħid u jagħmel, mhux l-istess jista’ jingħad għall-Gvern Laburista. Ikun tajjeb li wara sena ta’ Gvern Laburista nistaqsu jekk Malta hix aħjar jew agħar. Ħarsa serja lejn is-sena li għaddiet turi li “Malta jixirqilha aħjar minn dak li qed jagħmel il-Partit Laburista fil-Gvern,” qal Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li wara sena fit-tmexxija, il-Prim Ministru Muscat jidher li fl-aħħar sab il-famuż roadmap fil-qasam tas-saħħa. “Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern li jkompli fuq il-passi li kien ħa Gvern Nazzjonalista fil-leġiżlatura preċedenti permezz tal-ftehim li għamel mal-privat fl-għoti ta’ servizzi tas-saħħa f’pajjiżna. Aħna nifirħu bid-deċiżjonijiet it-tajbin għaliex aħna rridu Malta Aħjar,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li sena ilu, fil-kampanja elettorali Joseph Muscat kien wiegħed li se jsolvi l-problema tal-mediċini out-of-stock malli jiġi elett fil-Gvern. Iżda llum qegħdin nindunaw li l-problema marret għall-agħar u mhux għall-aħjar. Jekk qabel kien hawn nuqqas ta’ mediċini illum mhux talli hawn mediċini out-of-stock iżda talli saħansitra hemm sistema ta’ preferenzi ta’ min jieħu l-mediċina u min le. “Illum dik l-anzjana li tmur għand l-ispiżerija u jgħidulha li l-mediċina tinsab out-of-stock taf li fil-verità, x’imkien f’dik l-ispiżerija hemm il-mediċina li trid hi, imma fuqha għandha isem ittimbrat li hu tal-qalba u mhux tagħha,” qal Simon Busuttil. 

Il-Partit Nazzjonalista hu t-tarka tiegħek fl-Ewropa

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista offra l-id tal-ħbiberija diversi drabi sabiex jgħin lill-Gvern ifassal strateġija dwar ix-xogħol. Iżda dan il-Gvern tant kibritlu rasu malajr li minkejja li l-qgħad qed jiżdied xahar wara l-ieħor, xorta injora għalkollox l-offerta u l-ideat tagħna. Fl-ewwel sena tiegħu, il-Gvern ħoloq il-qgħad u mhux ix-xogħol, u l-unika xogħol li ħoloq ħolqu għal tal-qalba mal-Gvern, bi spiża li żdiedet bi €22 miljun fl-ewwel sena ta’ Gvern ġdid. 

Fl-istess waqt, stqarr Simon Busuttil, lill-ħaddiema li kien wegħdhom tant affarijiet qabel l-elezzjoni nesiehom u llum qiegħed jerġa’ jipprova jgħaddihom biż-żmien lejliet l-elezzjoni. Hekk ġara fil-każ tal-ħaddiema tal-Enemalta. “Lil dawn il-ħaddiema u lill-familji tagħhom ngħidilhom li jekk mhux se ssibu lill-Partit Laburista għalikom, se ssibu tarka fil-Partit Nazzjonalista,” tenna Simon Busuttil. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-ambjent naturali tagħna u semma’ kif il-Partit Nazzjonalista hu partit pożittiv, kostruttiv, u jħares il-wirt kulturali. Hu spjega kif ftit ġranet ilu, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta mozzjoni fil-Parlament bil-għan li tiġi esproprijata art li tinsab fil-buffer zone tat-Tempji Ta’ Ħaġrat fl-Imġarr u li għaliha nħareġ permess għall-iżvilupp mill-MEPA. “Il-Gvern għandu jagħti l-appoġġ tiegħu għal din il-mozzjoni jekk irid lill-poplu jemmen li verament irid jaħdem għal Malta Aħjar,” qal Simon Busuttil. 

Fuq kollox, il-Gvern Laburista għandu jieqaf jieħu l-liġi f’idejh kif qed jagħmel bid-deċiżjoni tiegħu li juża billboards illegali, l-istess billboards li uża bħala Gvern u li issa qed juża bħala partit. 

Il-Partit Nazzjonalista qed jibda din l-elezzjoni 36,000 vot minn taħt

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew se tkun waħda diffiċli ħafna għall-Partit Nazzjonalista. Dan għax il-Partit Nazzjonalista se jibda din l-elezzjoni 36,000 vot minn taħt. Joseph Muscat qed jinsulta l-intelliġenza tan-nies meta jipprova jgħid li huwa l-underdog f’din l-elezzjoni.

Simon Busuttil qal li wara din l-elezzjoni xorta waħda se jkun hemm Joseph Muscat fil-Gvern bħala Prim Ministru. Fl-istess waqt, il-poplu Malti u Għawdxi għandu opportunità unika li f’din l-elezzjoni jwassal messaġġ li l-Gvern Laburista għandu jiggverna b’umiltà u mhux jaħdem għal tal-qalba biss.

Afdaw il-vot tagħkom f’min ħadem favur u mhux kontra l-Ewropa – Mario de Marco

Il-Viċi Kap għall-Ħidma Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco indirizza l-Kunsill Ġenerali u faħħar il-kwalitajiet tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista u sostna li kollha huma kapaċi jirrappreżentaw lil pajjiżna fuq livell Ewropew. “Afdaw il-vot tagħkom lill-kandidati tal-partit li jaħdem għal kulħadd u mhux għall-ftit u afdaw il-vot tagħkom f’nies li dejjem ħadmu favur u mhux kontra l-Ewropa,” sostna l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Mario de Marco spjega li f’Jannar u fi Frar il-ħwienet reġa’ kellhom tnaqqis kbir fil-bejgħ. “Filwaqt li ħafna pajjiżi fl-Unjoni Ewropea ħerġin mir-riċessjoni u mexjin ’l quddiem, aħna taħt Joseph Muscat sejrin lura,” qal Mario de Marco. Hu stqarr li sena wara l-elezzjoni ġenerali, Gvern Laburista żgur ma jistax jgħid li sarraf ir-rebħa tiegħu f’Malta Aħjar. 

Fl-24 ta’ Mejju tista’ tibgħat messaġġ lill-Gvern ta’ Muscat – Chris Said

Il-Kunsill Ġenerali nfetaħ mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, li qal li dan hu Kunsill Ġenerali importanti ħafna li fih il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għal Malta Aħjar. “Permezz ta’ dan il-manifest elettorali inti se tkun taf fejn qiegħed mal-Partit Nazzjonalista,” sostna s-Segretarju Ġenerali 

Chris Said stqarr li permezz ta’ din l-elezzjoni, wieħed jista’ jagħti messaġġ lill-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat. “Il-Gvern Laburista mhux qed jisma’ lin-nies u qiegħed saħansitra jaħbi l-affarijiet min-nies,” qal Chris Said. Persuni ta’ kull fehma politika bir-raġun jinsabu diżappuntati bit-tmexxija ta’ Muscat, għax qed joħroġ biċ-ċar li Joseph Muscat jużak u jarmik. 

Għaldaqstant, fl-24 ta’ Mejju l-elettorat jista’ jibgħat messaġġ lill-Gvern ta’ Muscat billi jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista. “Dawn il-kandidati mhux se jaħdmu b’konvenjenza iżda b’konvinzjoni,” enfasizza Chris Said.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: