24.4.14

Il-Partit Nazzjonalista jressaq mozzjoni biex jipproteġi l-integrità tal-wirt kulturali Malti.



Il-Partit Nazzjonalista llum ippreżenta mozzjoni fil-Parlament li titlob li l-art li tinsab fil-buffer zone biswit it-Tempji Ta’ Ħaġrat fl-Imġarr u li ngħatat permess għal żvilupp fix-xhur li għaddew tiġi esproprjata. Dan għaliex pajjiżna għandu jirrispetta b’mod sħiħ il-wirt kulturali ta’ pajjiżna, b’mod partikolari wirt li huwa rikonoxxut mill-UNESCO bħala Sit ta’ Wirt Dinji. Malta Aħjar tfisser li l-wirt kulturali ta’ pajjiżna jitgawda minn kulħadd u mhux min-nies tal-qalba. 

Dan qalu l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco waqt konferenza stampa quddiem it-Tempji Ta’ Ħaġrat, l-Imġarr, li fiha ħabbar li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta mozzjoni fil-Parlament għal dan il-għan. Huwa kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Ryan Callus. 

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-mozzjoni li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista sar wara li f’Settembru 2013, il-MEPA ħadet id-deċiżjoni kontroversjali li tagħti permess sabiex isir żvilupp fuq art li tinsab fil-buffer zone madwar it-Tempji Ta’ Ħaġrat. Dan ix-xahar, it-Tribunal tal-Appell tal-Ambjent u l-Ippjanar ma laqax appell biex din il-permess f’din l-art jiġi revokat. 

Mario de Marco fakkar li fl-2008, applikazzjoni għal żvilupp fuq l-istess medda ta’ art kien ġie rrifjutat mill-MEPA fuq parir tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, u fl-2009, Gvern Nazzjonalista kien esproprja żewġ biċċiet art oħra li jinsabu biswit it-tempji u li fuqhom kien ġie approvat permess għall-iżvilupp, fuq parir tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u ta’ Heritage Malta. 

Illum, stqarr il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni qiegħda titlob li jsir eżatt bħalma sar fl-2009, u qed tfittex ftehim mal-Gvern biex ikun hemm kunsens li sid l-art jingħata kumpens xieraq biex ma jiżviluppax art li tinsab daqstant viċin tempji li huma rikonoxxuti bħala Sit ta’ Wirt Dinji. 

Mario de Marco għamel referenza wkoll għall-kummenti tad-Deputati Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela li, f’artiklu fl-Orizzont, iddeskriva l-ħruġ ta’ dan il-permess bħala delitt ta’ parti mill-patrimonju u wirt storiku tagħna. 

Il-Kelliem għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Ryan Callus qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jippreżenta din il-mozzjoni biex jagħmel ix-xogħol li suppost qiegħed jagħmel il-Gvern. Hija ħasra li l-Prim Ministru Muscat għażel li ma jitkellimx dwar dan l-iżvilupp, wisq inqas dwar il-petizzjoni tal-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar, li ġie ffirmat minn 1,500 ċittadin Malti u Għawdxi. Jidher ċar li Joseph Muscat huwa iktar interessat li jiddefendi lil tal-qalba milli li jħares il-wirt kulturali tal-poplu Malti u Għawdxi.

Ryan Callus spjega li l-Partit Nazzjonalista qed ikun responsabbli u qed taħdem għal Malta Aħjar fejn il-Gvern jagħżel li jibqa’ sieket. Kellha tkun l-Oppożizzjoni li tressaq mozzjoni biex jiġi mħares il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Dan ikompli juri kif il-Partit Nazzjonalista qed iżomm mal-wegħda tiegħu li jkun Oppożizzjoni kostruttiva u pożittiva – bil-għan li jpoġġi lil pajjiżna fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu u biex verament ikollna Malta aħjar.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: