29.4.14

Il-Partit Nazzjonalista jniedi proposta għall-ħolqien tax-xogħol



Waqt żjara fil-kumpanija BMIT dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil nieda proposta tal-Partit Nazzjonalista għall-ħolqien ta’ xogħol ġdid f’pajjiżna u aktar opportunitajiet għal kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista qed jiffoka l-proposta tiegħu fuq is-settur tal-ekonomija kreattiva, b’mod partikolari l-qasam tad-digital gaming. Wara li Gvernijiet Nazzjonalisti precedenti diġà żergħu ż-żerriegħa biex dan il-qasam jiżviluppa f’pajjiżna, Simon Busuttil spjega li l-Partit Nazzjonalista issa se jisħaq mal-Gvern biex ma jkomplix jittraskura dan il-qasam importanti li jista’ jissarraf fi tkabbir ekonomiku u jobs ġodda għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Waqt iż-żjara Simon Busuttil intlaqa’ mis-CEO tal-BMIT Christian Sammut u mis-CMO Jack Mizzi li spjegaw li l-kumpanija BMIT fl-aħħar snin wettqet investimenti importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna biex illum tħaddem żewġ data centres, u hija waħda mill-fornituri ewlenin fis-settur tagħha għal kumpaniji Ewropej. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norman Vella u Helga Ellul u mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech.

Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob li ssir ħidma kollettiva fuq livell nazzjonali għall-iżvilupp tal-ekonomija kreattiva u s-settur tad-digital gaming, b’mod partikolari billi jinħolqu skemi speċifiċi għal dan is-settur, inkluż:

- Inċentivi fiskali għal kumpaniji ta’ reputazzjoni tajba li jagħżlu lil Malta bħala bażi biex jaħdmu minnha;
- Aktar investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex iż-żgħażagħ jiksbu il-ħiliet meħtieġa minn kumpaniji li jaħdmu f’dan is-settur; u 
- Seed capital schemes għal start-ups f’dan il-qasam biex l-ideat tagħhom isiru realtà bl-għajnuna tal-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif Gvern Nazzjonalista preċedenti kien diġà nieda inċentivi għall-professjonisti u speċjalisti fis-settur meta jagħżlu li jibdew jaħdmu minn Malta u kien kiseb fondi mill-Unjoni Ewropea biex jinbena studio state-of-the-art fl-MCAST li jservi ta’ għodda għat-taħriġ taż-żgħażagħ. Gvern preċedenti kien nieda wkoll qafas ta’ inċentivi marbut mal-kwalifiċi miġjuba minn istituzzjonijiet edukattivi privati. 

Ħtieġa ta’ viżjoni dwar ix-xogħol

Waqt iż-żjara tiegħu, Simon Busuttil sostna li l-Gvern għandu jaħseb mil-lum għall-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija ta’ għada u l-jobs ġodda li jridu jinħolqu fis-snin li ġejjin biex jilqgħu għad-domanda ta’ persuni li kull ma jmur qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol. 

Minkejja li għaddiet sena ta’ Gvern Laburista, Simon Busuttil qal li dan il-qasam jidher li qed jiġi traskurat u huwa ta’ tħassib li l-Gvern Laburista għadu ma ħabbarx viżjoni cara għall-iżvilupp tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Agħar minn hekk, il-Gvern għadu ma ta l-ebda indikazzjoni dwar l-oqsma ekonomiċi ġodda li se jkun qed jiżviluppa fis-snin li ġejjin. Dan ma jawgurax tajjeb għaż-żgħażagħ li bħalissa għaddejjin bl-istudji tagħhom għax mingħajr direzzjoni ekonomika, dawn iż-żgħażagħ ma jistgħux ikunu certi li dak li qed jistudjaw se jrendilhom job fis-snin li ġejjin.

Simon Busuttil qal li jidher car li l-Gvern Laburista huwa nieqes mill-ideat kif se joħloq ix-xogħol f’pajjiżna għal kulħadd, mhux għal tal-qalba biss, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed ikun proattiv anke mill-Oppożizzjoni biex jiżgura li ż-żgħażagħ isibu x-xogħol u l-opportunitajiet li jixtiequ.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: