21.4.14

Il-Partit Nazzjonalista jilmenta lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data.



Il-Partit Nazzjonalista llum ilmenta lill-Kummissarju l-ġdid għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia dwar Avviż Legali 76 tal-2014, li permezz tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ingħata aċċess għal data personali tal-istudenti fis-sistema edukattiva u tal-qraba tagħhom li tmur lil hinn minn dak meħtieġ għal skopijiet ta’ riċerka, u li għalhekk hi ta’ theddida għad-dinjità u l-privatezza tal-istudenti u l-familji tagħhom.

Fl-ilment tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jsostni li l-Avviż Legali hu sproporzjonat fl-iskop u l-għanjiet tiegħu, ma jipproteġix lill-istudenti u l-qraba tagħhom mill-abbuż tal-poter u jqajjem mistoqsijiet dwar il-konformità tiegħu mal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data, il-Kostituzzjoni ta’ Malta u mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. 

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li dan l-Avviż Legali ġie ppubblikat fi żmien meta pajjiżna kien mingħajr Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data b’tali mod li l-Oppożizzjoni ma setgħetx tagħmel ilment formali dwar dan il-każ. 

Hu surreali kif il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qiegħed jitlob l-għajnuna mill-Kummissarju l-ġdid għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data meta ftit ġranet ilu stqarr li l-Avviż Legali 76 kien diġà ġie approvat mill-Kummissarju preċedenti, xi ħaġa li ma ġietx ikkonfermata mill-Kummissarju preċedenti stess. 



--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista

No comments: