3.4.14

Il-Partit Nazzjonalista jilmenta dwar produzzjonijiet ta’ propoganda politika mxandra fuq l-istazzjon nazzjonali.



Il-Partit Nazzjonalista għamel żewġ ilmenti separati lill-Public Broadcasting Services u lill-Awtorità tax-Xandir għal żbilanċ li nħoloq permezz ta’ serje ta’ produzzjonijiet ta’ propoganda politika li ġew maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mxandra b’mod kontinwu fuq l-istazzjon nazzjonali, TVM.

Dawn il-produzzjonijiet bit-tema “Issa Nista’”, huma miżgħuda b’retorika politika tal-għażla tal-Gvern Laburista u bl-ebda mod ma jistgħu jitqiesu bħala produzzjonijiet ta’ natura informattiva. Il-produzzjonijiet huma dwar suġġetti li dwarhom f’pajjiżna kien hawn u għad hawn kontroversja politika. Saħansitra waħda minn dawn il-produzzjonijiet titkellem dwar liġi li lanqas biss għadha daħlet fis-seħħ.

Il-Partit Nazzjonalista lmenta mal-Editur tal-Public Broadcasting Services Reno Bugeja talli għażel li jxandar dawn il-produzzjonijiet minkejja li joħolqu żbilanċ politiku ċar fuq l-istazzjon nazzjonali. Il-Partit Nazzjonalista lmenta wkoll maċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir Anthony J. Tabone talli ma aġixxiex u ma ħa l-ebda passi fil-konfront tal-istazzjon nazzjonali TVM talli ħoloq żbilanċ u dan minkejja li l-istess Awtorità tax-Xandir għandha r-responsabbiltà u l-poteri kollha meħtieġa sabiex tiżgura bilanċ fix-xandir. 


--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: