29.4.14

Il-Partit Nazzjonalista japprova l-manifest elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.



Waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li ġie organizzat dalgħodu, ġie approvat il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan il-manifest elettorali jelenka l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista sabiex ikun il-vuċi u t-tarka tal-poplu fl-Ewropa. Il-manifest jelenka erba’ oqsma li se jaħdem għalihom il-Partit Nazzjonalista fuq livell Ewropew:

1. Malta Aħjar billi r-rappreżentanti Maltin jiżguraw li l-Unjoni Ewropea tkompli tgħin fl-iżvilupp nazzjonali, ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna, billi jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u billi l-vuċi tal-poplu Malti jitwassal fuq issues ta’ importanza nazzjonali;
2. Xogħol aħjar permezz ta’ ħidma favur il-ħtiġijiet speċifiċi tan-negozji żgħar u medji, li Malta tingħata aktar fondi biex l-industriji u n-negozji jinvestu u sabiex jitħarrġu ż-żgħażagħ, u li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema;
3. Ambjent aħjar billi jiġu rispettati l-istandards ambjentali f’pajjiżna, li jsir investiment f’aktar proġetti li jħallu impatt pożittiv fuq l-ambjent bħall-pipeline tal-gass, u li naħdmu għal żieda fil-fondi Ewropej għall-investiment f’enerġija rinovabbli; u
4. Pajjiż stmat u rispettat permezz ta’ Membri tal-Parlament Ewropew li jaħdmu fl-interess veru taċ-ċittadin Malti u Għawdxi u mhux jiżolaw lil pajjiżna biex jipproteġu lil tal-qalba. 



--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments: