3.4.14

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex ma jintroduċix riformi maġġuri fil-qasam tal-edukazzjoni mingħajr ma jikkonsulta.



Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb serjament bin-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-Gvern Laburista mal-istakeholders kollha fil-qasam tal-edukazzjoni, inkluż mal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) u mal-Oppożizzjoni. Minflok jikkonsulta u jagħmel l-affarijiet b’mod għaqli, il-Gvern qiegħed ikejjel l-effiċjenza tiegħu skont l-għaġla li biha jdaħħal riformi maġġuri, u dan jista’ iwassal biex jiddaħħlu fis-seħħ riformi bħall-ko-edukazzjoni, il-middle schools u issa anke l-introduzzjoni mill-ġdid tal-istreaming fl-iskejjel tal-Gvern mingħajr ma jsiru l-preparamenti kollha meħtieġa. Din hi politika perikoluża u għalkollox konfliġġenti mal-appelli għall-kawtela minħabba “reform fatigue” li kien jagħmel dak li llum hu Ministru għall-Edukazzjoni meta kien fl-Oppożizzjoni. 

Dan qalu l-Kelliem għall-Edukazzjoni Joseph Cassar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu quddiem il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-Furjana. Il-Kelliem għall-Edukazzjoni kien akkumpanjat mill-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Jonathan Shaw. 

Joseph Cassar saħaq li s-settur edukattiv hu delikat u kruċjali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista hi li naħdmu għall-kunsens f’dan il-qasam. Madankollu l-Gvern qiegħed juri li m’hemm l-ebda kontinwità f’dan is-settur u mhuwiex interessat li jikkoopera mal-istakeholders importanti f’dan is-settur. Dan żgur ma jistax jgħid li hu Gvern li jisma’. In-nuqqas ta’ diskussjoni u konsultazzjoni qed iwassal sabiex il-Gvern jieħu deċiżjonijiet mgħaġġlin u żbaljati. 

Fid-dawl tar-riformi maġġuri kollha li qed imexxi ’l quddiem il-Gvern, il-Kelliem għall-Edukazzjoni appella lill-Ministru Evarist Bartolo sabiex jilqa’ l-proposta li saret mill-Partit Nazzjonalista li tiġi organizzata konferenza nazzjonali dwar l-edukazzjoni. L-għan ta’ din il-konferenza hu li kulħadd ikollu l-opportunità li jsemma’ leħnu, nisimgħu lil xulxin, nikkonsultaw u wara niddeċiedu fl-aħjar interess ta’ wliedna.

Il-Kelliem għall-Edukazzjoni talab lill-Ministru Evarist Bartolo sabiex ibiddel il-mod kif qed jimxi f’dan is-settur għaliex bit-taqlib li sar fl-ewwel sena u li għadu qed isir illum, l-aktar li se jbatu huma l-istudenti. Hu fakkar kif fl-ewwel sena tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni naqas milli jikkonsulta mal-Unjin Maltija tal-Għalliema fl-implimentazzjonijiet ta’ riformi edukattivi importanti. Issa jidher li l-Ministru Bartolo qed jerġa’ jagħmel l-istess żball meta qiegħed jiddeċiedi li jintroduċi mill-ġdid l-istreaming mingħajr ma jikkonsulta u jisma’ dak li għandhom xi jgħidu l-partijiet interessati, fosthom l-Oppożizzjoni. 

Joseph Cassar spjega kif fil-ġranet li għaddew intbagħtet ċirkolari li tgħid li mis-sena skolastika l-ġdida, l-iskejjel primarji għandhom jibdew jgħaqqdu t-tfal skont ir-riżultati annwali tagħhom fil-Malti, l-Ingliż u l-Matematika. Din id-deċiżjoni hija konferma tan-nuqqas ta’ ppjanar serju li qed juri l-Gvern f’dan is-settur għaliex qiegħed jieħu din id-deċiżjoni mingħajr ma jikkonsulta u wisq aktar mingħajr ma jara x’se jkun ir-riżultat tar-rapport li qed tħejji l-European Agency for Special Needs and Inclusive Education. Dr Cassar fakkar ukoll li dawn ir-riformi ma kinux parti mill-programm elettorali tal-Partit Laburista.

Il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Jonathan Shaw sostna li l-edukazzjoni hija wieħed mill-pilastri tal-Unjoni Ewropea u għalhekk pajjiżna għandu jisfrutta bl-aħjar mod possibbli l-opportunitajiet li toffri l-Ewropa f’dan is-settur. Hu qal li l-politika tal-Gvern fl-edukazzjoni tirrifletti l-futur li se jkollhom it-tfal tagħna u sfortunatament in-nuqqas ta’ viżjoni li qed jimxi bih il-Gvern juri biċ-ċar kif effettivament il-Partit Laburista qatt ma kellu road map dwar l-edukazzjoni.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: