21.4.14

Il-Ministru Joe Mizzi għandu jkun trasparenti fuq it-telf fit-trasport pubbliku, fuq is-servizz u fuq it-talbiet ta' dawk li tefgħu l-offerti għas-sussidju u n-nolijiet



Mindu l-Ministru Joe Mizzi kellu jammetti li t-trasport pubbliku mmexxi minnu tilef €7 miljun fi tliet xhur, il-Ministru għat-Trasport baqa’ jipprova jaħbi u jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu għal dan il-piż kbir li hu għabba fuq it-taxpayer Malti.

Dan huwa piż li hu erba’ darbiet aktar milli t-taxpayer Malti kien iħallas f'sena sħiħa lill-kumpanija privata li qabel kienet daħlet għall-obbligu li tmexxi s-servizz u titħallas biss is-sussidju maqbul u fiss.

Fil-Baġit għal din is-sena, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ibbaġitja €10 miljun fi ħlas mit-taxpayer Malti għat-trasport pubbliku. Imma bir-rata tat-telf li qed jikkawża fit-trasport pubbliku l-Ministru Joe Mizzi, issa hu ċar li l-Baġit tal-Gvern għal dan il-qasam hu ferm ’il bogħod minn dak li fil-fatt se jkollu jħallas it-taxpayer Malti din is-sena.

Il-Ministru Joe Mizzi fil-bidu li ħa r-responsabbiltà tat-tmexxija tat-trasport pubbliku parla ħafna imma issa għalaq ħalqu għalkollox fuq il-piż ta’ miljuni kbar li qed jikkawża fit-trasport pubbliku u fuq iż-żewġ offerti li ntefgħu għat-trasport pubbliku ta’ Malta.

Il-Ministru Joe Mizzi jeħtieġ ikun trasparenti u jgħid:

-        Kemm qed jistma li t-taxpayer Malti jkollu jħallas għat-trasport pubbliku din is-sena;
-        Kemm qed jitolbu sussidju ż-żewġ kumpaniji li wrew interess li jmexxu t-trasport pubbliku f’Malta u dik li wriet interess li tmexxi t-trasport pubbliku f’Għawdex;
-        Kemm se jkunu n-nolijiet li qed jipproponu l-kumpaniji li wrew interess li jmexxu t-trasport pubbliku.

Il-Ministru għat-Trasport jeħtieġ iwieġeb ukoll fuq il-livell tas-servizz li sejjer lura u jgħid:

-        Għaliex qed iħalli l-manutenzjoni tal-karozzi tal-linja tmur lura – ħaġa li qed ssir dejjem aktar evidenti għas-sewwieqa u għall-passiġġieri tat-trasport pubbliku?
-        Għaliex neħħa l-aħħar servizz fuq ċerti rotot li m’għadux sal-11pm kif kien qabel?
-        X'qed jagħmel biex persuni b'diżabilità, ġenituri bit-tfal u anzjani jkunu jistgħu jużaw it-trasport pubbliku fuq il-karozzi li qed jikri bħalissa?
-        Għaliex mhux iżid is-servizz fuq linji li hu evidenti li qed jitilqu mimlijin mill-Belt u mhux qed jgħabbu passiġġieri matul ir-rotta tagħhom, kif qed jiġri ripetutament speċjalment fi tmiem il-ġimgħa?
-        Għaliex neħħa l-linji kważi kollha tas-servizz matul il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt?

II-Ministru Joe Mizzi jeħtieġ jerfa’ r-responsabbiltà għat-trasport pubbliku li issa qiegħed imexxi kompletament hu stess.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: