21.4.14

Il-Ministru għall-Finanzi jipprova jżid it-taxxi lil hemm minn dak li żied fil-Baġit bl-iskuża tal-loopholes




Din il-ġimgħa fil-Parlament sar magħruf li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna pprova jżid it-taxxi lil hemm minn dawk li daħħal fil-Baġit għall-2014. Il-Ministru għall-Finanzi reġa’ żied it-taxxi minn wara dahar kulħadd u qiegħed jippretendi li l-Oppożizzjoni ma ssemmax leħinha u li saħansitra tivvota favur dawn iż-żidiet. Dawn iż-żidiet jinkludu żieda fit-taxxa tas-sigaretti, mit- 30c għal kull pakkett li ddaħħlu f’Novembru li għadda għal 35c. 

Biex jispjega l-ħabi tiegħu taż-żidiet fit-taxxi, il-Ministru Scicluna qed jagħmel argument żbaljat li ż-żieda ddaħħlet għax kien hemm xi operaturi li għollew il-prezz tas-sigaretti li jbigħu b’aktar milli kienet iż-żieda fit-taxxa. Filwaqt li fil-Parlament huwa sostna li dawn l-operaturi mhumiex ħallelin u li għandhom kull dritt li jagħmlu dan, skont hu mhuwiex ġust li għamlu dan il-qligħ u għalhekk ried iżid it-taxxa biex jieħu l-qligħ hu. Il-Ministru għall-Finanzi bħal donnu qed jinjora l-fatt li biż-żieda proposta minnu fl-emenda l-prezz ta’ pakkett sigaretti se jerġa’ jogħla.

Dan it-taħwid seta’ faċilment jiġi evitat kieku l-Ministru Scicluna kien onest fil-Baġit li ppreżenta f’Novembru. Dakinhar, il-Ministru ma riedx jgħid b’kemm se jżid it-taxxa biex jipprova jbigħ l-illużjoni li mhux se jkun hemm żidiet fit-taxxi. Mingħajr din l-informazzjoni, il-Ministru ta kull opportunità biex jiżdiedu b’mod varjat il-prezzijiet tas-sigaretti. 

Din mhix ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa. Hi ġlieda favur is-sens komun. 

Wara li l-Oppożizzjoni spjegat li dak li kien qed jagħmel il-Ministru għall-Finanzi ma kienx ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa jew biex jagħlaq xi loophole imma sempliċiment żieda fit-taxxa b’5c oħra għal kull pakkett, l-emenda li ressaq il-Gvern ġiet irtirata. Daqshekk kien konvint minn dak li kien qed u jagħmel il-Ministru Scicluna!

Il-Ministru għall-Finanzi ressaq emenda oħra biex skont hu jagħlaq loophole oħra fuq is-siment. Fil-każ ta’ dan il-prodott, li hu essenzjali fil-qasam tal-kostruzzjoni, il-Ministru għall-Finanzi kien għadu kemm żied it-taxxa minn €17 għal €27 għal kull 1,000kg ta’ siment importat, li hija żieda straordinarja ta’ kważi 60%. Il-Ministru għall-Finanzi qal li ma studjax l-impatt ta’ din iż-żieda, li skont hu hi waħda “żgħira”, fuq is-settur tal-kostruzzjoni, minkejja li jaf ukoll li żidiet bħal dawn jiġu mgħoddija wkoll lil min ikun qed jixtri dar ġdida, inkluż il-koppji żgħażagħ. 

Barra minn hekk, fil-każ ta’ prodotti oħra tas-siment li kienu qed jiġu importati u li fuqhom ma kienx hemm taxxa, il-Ministru għall-Finanzi, bl-iskuża li jagħlaq loophole, iddeċieda li anke hawn jintroduċi taxxa ġdida ta’ €27 għal kull kilo. Hawn ukoll il-Ministru għall-Finanzi ppretenda li l-Oppożizzjoni tagħlaq ħalqha bl-iskuża li il-Gvern kien qed jiġġieled l-evażjoni.

Il-loġika tal-Ministru għall-Finanzi ma tistax titwemmen. Il-Ministru għall-Finanzi qed jallega li kien hemm loophole ta’ evażjoni fuq prodott li fuqu ma kienx hemm taxxa, u issa qed jippretendi li l-operaturi jħallsu taxxa li ma kinitx dovuta. B’mod ċar, din mhix evażjoni u l-Ministru għandu jkun ċar u jammetti li jixtieq jintroduċi jew iżid it-taxxi u mhux jipprova jivvinta l-iskużu jew li saħansitra jaħbi jdejh. 

Hu ċar li l-Ministru Scicluna hu intiż li jdaħħal fis-sistema ta’ tassazzjoni ta’ pajjiżna mekkaniżmi ta’ żidiet fit-taxxi b’mod awtomatiku bħal dawk fl-Ingilterra. Il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx ma’ din it-tip ta’ politika.

Barra minn hekk il-Partit Nazzjonalista jinsab sorpriż għan-nuqqas serju ta’ preparazzjoni mill-Ministru Scicluna meta ġie biex jippreżenta l-liġi u l-emendi tiegħu. F’diversi każijiet il-Ministru ma kienx kapaċi jirrispondi u jispjega il-klawsoli ppreżentati minnu, b’interruzzjonijiet kontinwi biex jieħu l-ispjega mill-esperti. Il-Ministru għall-Finanzi lanqas kien kapaċi jwieġeb domanda sempliċi fuq stimi finanzjarji dwar kemm kien se jiġbor taxxa mill-miżuri mħabbra. 

Dan il-Gvern wiegħed li mhux se jżid it-taxxi u li l-programm elettorali tiegħu kien se jwettqu bit-tkabbir ekonomiku. Dan it-tkabbir mhuwiex qed jimmaterjalizza, il-Gvern qed iżid it-taxxi, il-qgħad qed jikber u l-Gvern qed jaħbi din il-problema billi jingaġġa n-nies miegħu, li se tpoġġi aktar piż fuq it-taxxi li dan il-Ministru jidher li hu intenzjonat li jżid.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: