21.4.14

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iżur Dar il-Kaptan



Il-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità huma issues li dwarhom għandu jkun hawn kunsens fil-pajjiż. F’dan il-perjodu, il-Partit Nazzjonalista qed jiltaqa’ mal-organizzazzjonijiet kollha li jagħtu servizzi f’dan il-qasam u jisma’ l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tal-familji tal-persuni b’diżabilità bil-għan li jaġġorna l-politika tiegħu flimkien mal-istakeholders kollha f’dan is-settur. Għal dan il-għan, il-Partit Nazzjonalista qed jorganizza programm wiesa’ ta’ laqgħat, u din id-diskussjoni se tingħata bidu permezz ta’ konferenza li se sseħħ fil-bidu tas-sajf flimkien mal-istakeholders kollha.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel f’Dar il-Kaptan fl-Imtarfa. Dr Busuttil kien akkumpanjat mill-Kelliem għax-Xogħol u d-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Stephen Spiteri u mill-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar ir-rwol importanti li għandha Dar il-Kaptan bħala ċentru ta’ respite fis-soċjetà tagħna. Permezz ta’ din il-fondazzjoni, il-familji jistgħu jieħdu ftit ħin ta’ mistrieħ mill-impenn straordinarju assoċjat mal-ħarsien ta’ persuni b’diżabilità intellettwali. Dar il-Kaptan isservi wkoll ta’ day centre għal persuni b’diżabilità li ma jaħdmux u li m’għadhomx fl-età li jistgħu jattendu skola.

Simon Busuttil qal li ċentri li joffru servizzi lill-persuni b’diżabilità ħaqqhom appoġġ sħiħ mill-Istat u mis-soċjetà b’mod ġenerali. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem, kemm mill-Gvern u issa wkoll mill-Oppożizzjoni, sabiex jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu biex persuni b’diżabilità jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, biex ikunu inklużi fis-soċjetà u biex titjieb il-kwalità ta’ ħajjithom.

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-inizjattiva tal-Gvern li ppubblika l-Abbozz ta’ Politika Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u se jagħti l-appoġġ tiegħu biex il-qafas tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà jiġi msaħħaħ u sabiex il-persuni b’diżabilità, il-ġenituri u l-organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu f’dan is-settur jingħataw appoġġ immedjat biex jegħlbu l-isfidi li jiffaċċjaw ta’ kuljum, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Fl-istess waqt, qal Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed isus ukoll wara l-Gvern sabiex jiżgura li l-wegħdiet elettorali li saru f’dan il-qasam jiġu mwettqa. Ewlenija fosthom hemm il-wegħda ċentrali li saret lill-ġenituri u familji ta’ persuni b’diżabilità biex isserħilhom rashom li jekk jiġu nieqsa huma, l-Istat u s-soċjetà jieħdu ħsieb uliedhom f’każ li ma jkunux jistgħu jkollhom ħajja li hija indipendenti. Dan billi jiġi żgurat li kull persuna b’diżabilità tinstabilha residenza fil-komunità f’dar komunitarja ta’ daqs żgħir, sabiex tibqa’ tgħix ħajja komda u dinjituża. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista jrid jara wkoll li jittieħed azzjoni fuq il-liġi tal-guardianship, għaliex minkejja li fl-2012 il-Parlament ta’ Malta approva numru ta’ emendi legali dwar il-kunċett tal-guardianship, sal-lum din il-liġi għadha ma ġietx fis-seħħ. 

Min-naħa tagħhom, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni ta’ Dar il-Kaptan Jennifer Sant, l-Amministratur tad-Dar Joe Pace, wieħed mill-fundaturi tad-Dar Marcel Pisani u r-rappreżentanta ta’ Dar il-Kaptan Antonella Agius Micallef spjegaw is-servizzi li toffri Dar il-Kaptan u l-ħtieġa li Dar il-Kaptan u djar oħra li joffru servizzi għal persuni b’diżabilità jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa biex ikomplu jagħtu servizz lis-soċjetà Maltija. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: