23.4.14

Il-Gvern qed jistaħba biex jaħbi żidiet kbar fid-dejn ta’ pajjiżna.



Il-Gvern qed ikompli jistaħba fuq numru ta’ temi importanti għal pajjiżna. Illum, kien imiss lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jistaħba wara recording sabiex jevita kull forma ta’ skrutinju pubbliku dwar x’qed jiġri eżatt fil-qasam tal-finanzi ta’ pajjiżna. Dan wara l-pubblikazzjoni ta’ ċifri li jqajmu aktar mistoqsijiet milli jagħtu tweġibiet.

Iċ-ċifri ppubblikati llum mill-Eurostat juru li filwaqt li d-defiċit ta’ pajjiżna għall-2013 niżel għal 2.8%, li jfisser madwar €200 miljun, id-dejn ta’ pajjiżna kiber b’5.2%, jew €373 miljun. Il-Gvern għandu jagħti spjegazzjoni ċara għal din id-diskrepanza sostanzjali fiċ-ċifri.

Aktar minn hekk, il-Ministru Scicluna għandu jagħti dettalji dwar kif u fejn qed jiġi rrappurtat it-telf li għamlet l-Arriva u li issa għadda fuq il-Gvern – telf li s’issa għadu ma jridx jgħid kemm hu. Tajjeb li jgħid ukoll kif se jkun qed jagħmel tajjeb għas-sussidju lill-kumpanija l-ġdida li qed topera s-servizz tat-trasport pubbliku, li minn €10 miljun se jitla’ b’mod drastiku.

Filwaqt li jidher ċar li l-Gvern għandu l-flus għall-ħela u l-perkaċċi għan-nies tal-qalba, jidher li dan ma jgħoddx għas-settur tas-saħħa, li jidher li hu s-settur li jinsab fil-mira tal-Ministru Scicluna biex jilħaq il-miri tiegħu.

Fid-dawl tad-dubji kollha mqajma mill-istatistika ppubblikata llum u l-messaġġ tal-Ministru għall-Finanzi, il-Partit Nazzjonalista jistieden lil Edward Scicluna –  jew fin-nuqqas tiegħu lill-Prim Ministru – biex b’rispett tat-trasparenza u l-kontabilità li tant jiftaħar bihom Gvern Laburista, isejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li tagħti l-opportunità lill-mezzi tax-xandir biex jagħmlu xogħolhom, filwaqt li jiċċara d-dubji serji li tqajmu mill-ftit dettalji ppubblikati llum.

Fil-qasam tat-tmexxija tal-finanzi ta’ pajjiżna, Malta mhix sejra aħjar milli kienet sena ilu. Dan huwa sinjal ċar tal-inkompetenza tal-Ministru Edward Scicluna.

No comments: