4.4.14

Il-Gvern qed jgħawweġ il-fatti biex jaħbi l-kuntratt ta’ Henley & Partners.



Il-Gvern Laburista llum kompla jgħawweġ il-fatti dwar il-kuntratt ta’ Henley & Partners f’attentat biex ikompli jaħbi dan il-kuntratt mill-pubbliku. Il-Gvern qed jipprova jaħbi l-verità u l-ħtieġa għal skrutinju tal-kuntratt billi jirrikorri għad-diżonestà politika u għall-ispin politiku. 

Fl-ittra li bgħat lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament Malti, il-Partit Nazzjonalista spjega b’mod ċar l-għan tal-iskrutinju li qed jinsisti li jsir. Hu inaċċettabbli li l-Gvern jaħbi wara s-sensittività kummerċjali biex iżomm mill-pubbliku informazzjoni li skont ir-rappreżentant tad-ditta Henley & Partners jitratta s-sigurtà nazzjonali. Dan bl-ebda mod m’għandu x’jaqsam ma’ proċeduri oħrajn li jistgħu jagħmlu kumpaniji privati oħrajn dwar il-mod kif il-Gvern Laburista mexxa l-proċess tal-għoti tal-kuntratt. Bir-raġunament tiegħu, il-Gvern Laburista qed jgħid li jippreferi jagħti l-informazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali lil kumpanija privata mill-Parlament Malti.

Il-Gvern hu mistenni jaġixxi b’mod matur u minnufih jieqaf jgħawweġ il-fatti fuq kwistjoni daqstant sensittiva. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: