21.4.14

Il-Gvern qed jaħbi ż-żieda fil-qgħad billi jimpjega n-nies mal-Gvern



Il-qgħad f’pajjiżna kulma jmur qed jiżdied u dan ġie kkonfermat bl-aktar mod ċar mill-istatistika li nħarġet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika lbieraħ li turi żieda ta’ 541 persuna mingħajr xogħol, li tfisser żieda ta’ 8%, fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet. Ir-risposta tal-Gvern hi li jipprova jaħbi ż-żieda fil-qgħad billi jimpjega aktar nies mal-Gvern.

Dalgħodu nħarġet stqarrija mill-Gvern ta’ Muscat li fiha tqabblet il-figura tal-qgħad ta’ Frar ma’ dik ta’ Jannar sabiex turi taparsi “tnaqqis” ta’ 36 persuna jirreġistraw għax-xogħol fuq ix-xahar preċedenti. Il-verità hi li t-tnaqqis ta’ 36 persuna jfittxu x-xogħol ġie rreġistrat biss minħabba li l-ħaddiema mas-settur pubbliku qegħdin jiżdiedu; statistika oħra ppubblikata mill-NSO fl-istess jum turi li f’Novembru li għadda l-ħaddiema fis-settur pubbliku żdiedu b’90 meta mqabbla mx-xahar ta’ qabel u bi kważi 1,400 meta mqabbla ma’ Novembru tas-sena  ta’ qabel. Dan ifisser li t-“tnaqqis” ta’ 36 persuna li bih qed jiftaħar il-Gvern huwa dovut biss għad-90 persuna li l-Gvern daħħal miegħu fil-ġimgħat preċedenti biex jaħbi ż-żieda fil-qgħad. 

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li sa Novembru 2013, kien hemm 42,345 persuna jaħdmu mal-Gvern, meta mqabbla mal-40,893 fil-medja tal-2012, l-aħħar sena sħiħa tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Dawn huma ċifri inkwetanti bħalma hi inkwetanti l-istatistika ppubblikata llum li turi aktar tnaqqis fl-importazzjoni u esportazzjoni. Dan ifisser aktar postijiet tax-xogħol f’riskju, anqas overtime u anqas flus fil-but għall-familji Maltin u Għawdxin. 

Hu ċar kristall li l-Gvern qed jibda jitlef il-kontroll tas-sitwazzjoni tal-qgħad u li l-unika soluzzjoni li għandu hi li jipprova jaħbi din iż-żieda inkwetanti billi jimpjega aktar nies mal-Gvern.



No comments: