24.4.14

Il-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora ż-żieda fil-qgħad.


Simon Busuttil jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li x-xogħol hu ċ-ċavetta għal ekonomija u soċjetà aħjar. Huwa għalhekk li matul din l-aħħar sena konsistentement tlabna lill-Gvern biex jieħu azzjoni biex jiżgura li jkollu viżjoni ċara u spjegata dwar kif u fejn se joħloq ix-xogħol. Il-Gvern injora din is-sejħa tul is-sena li għaddiet, minkejja żieda fil-qgħad xahar wara l-ieħor. Dan hu preokkupanti u juri li l-Gvern ma ħadimx biżżejjed għal Malta Aħjar fil-qasam tax-xogħol.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Għal-laqgħa kienu preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia, Helga Ellul u Norman Vella. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista enfasizza li l-Partit Nazzjonalista lest jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu biex jinħoloq ix-xogħol f’pajjiżna u biex ikollna viżjoni f’dan il-qasam daqstant importanti. “Aħna nifirħu meta l-Gvern jintroduċi skemi li joħolqu x-xogħol. Nirrikonoxxu li matul is-sena li għaddiet inħoloq ix-xogħol f’pajjiżna, iżda l-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi b’mod ċar li ma nħoloqx biżżejjed xogħol u allura żdied il-qgħad xahar wara l-ieħor,” qal Simon Busuttil. 

Dr Busuttil semma diversi eżempji li ħarġu mill-istatistika li juru li l-Gvern ikun żbaljat jekk ikompli jinjora l-problema tal-qgħad. Din is-sena l-qgħad żdied xahar wara l-ieħor biex illum qorob it-8,000 persuna qiegħda. Ġiet irreġistrata żieda ta’ 22% fin-numru ta’ persuni li ilhom bla xogħol għal aktar minn sena, indikazzjoni li l-problema tax-xogħol qiegħda ssir waħda dejjem aktar strutturali milli temporanja. Din iż-żieda tmur kontra kull xejra fl-Unjoni Ewropea. Saħansitra pajjiżi li ntlaqtu ħafna aktar bil-kriżi internazzjonali, bħal Spanja u l-Portugall, raw tnaqqis fil-qgħad.

Però l-iktar statistika inkwetanti, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, hi l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Din is-sena żdiedu b’elf iż-żgħażagħ li jinsabu mingħajr xogħol jew li mhumiex qegħdin jitħarrġu jew jistudjaw, minn 4,800 u 5,800 żagħżugħ u żagħżugħa. 

Simon Busuttil fisser il-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala kunċett Ewropew pożittiv, iżda hu ċar li dan mhux qiegħed jiġi implimentat b’mod sħiħ mill-Gvern. Filwaqt li żgħażagħ Maltin kellhom jistennew aktar minn sena biex il-Gvern Laburista jieħu xi forma ta’ inizjattiva f’dan il-qasam, dak li ħabbar il-Gvern ilbieraħ b’tant pompa kien skema ta’ privat għaż-żgħażagħ, li bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jilħaq l-aspettattiva li poġġa Joseph Muscat qabel l-elezzjoni li din se tkun skema ta’ xogħol. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr ukoll li l-Prim Ministru Muscat għandu jagħti spjegazzjoni ċara dwar l-istatistika ta’ defiċit u dejn li ġiet ippubblikata lbieraħ. Huwa qal li teżisti diskrepanza bejn il-figura ta’ €200 miljun f’defiċit u €372 miljun f’żieda fid-dejn. Il-Prim Ministru Muscat għandu jagħti spjegazzjoni ċara lill-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD u ’l-Oppożizzjoni fil-Parlament, mhux jinħeba wara messaġġ irrekordjat ’il bogħod mill-iskrutinju tal-media.

Simon Busuttil temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ joffri s-sehem tiegħu biex pajjiżna jkollu viżjoni ċara dwar ix-xogħol. Dan għax il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem, u se jibqa’ jaħdem, għal Malta Aħjar. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: