29.4.14

Il-Gvern Laburista qed jibni dak li żarma hu stess.



Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern li jkompli fuq il-passi li kien ħa Gvern Nazzjonalista fil-leġiżlatura preċedenti biex jissieħeb mal-privat fl-għoti ta’ servizzi tas-saħħa f'pajjiżna. Għalkemm dan huwa biss l-ewwel pass sabiex jerġa’ jinbena dak li żżarma mill-Gvern Laburista stess fl-ewwel sena tat-tmexxija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista se jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għal din il-miżura għaliex b’hekk Malta verament tkun aħjar.

Huwa pjuttost ironiku li l-Gvern għażel li jħabbar dan il-ftehim proprju fl-istess ħin (fid-9.30am) li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien qed jagħmel żjara miftuħa għall-media fl-isptar privat Saint James. Il-Partit Nazzjonalista huwa sodisfatt li ż-żjara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-Isptar Saint James kienet l-ixprun biex il-Gvern Laburista jagħmel dan l-ewwel pass.

Ta’ min jinnota li fl-ewwel sena tiegħu dan l-istess Gvern kien żarma dan il-qafas ta’ ftehim u kien fil-fatt waqqaf kull forma ta’ outsourcing lill-privat li kienet bdiet mill-Gvern preċedenti, deċiżjoni li wasslet biex għall-ewwel darba f’ħames snin reġgħu bdew jitwalu l-waiting lists, b’eżempju ċar tkun il-lista tal-istennija għall-operazzjoni tal-katarretti.  

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li ilu jsejjaħ biex l-isptarijiet u kliniċi privati ta’ pajjiżna jiġu meqjusa bħala sħab importanti fis-sistema tas-saħħa. Dan joħroġ ċar mil-laqgħa miftuħa għall-media li saret jiem ilu mar-rappreżentanti ta’ dan is-settur. 

Il-Partit Nazzjonalista issa jistenna li dan il-ftehim ikompli jiġi estiż għal aspetti oħrajn sabiex jiġu indirizzati l-problemi endemiċi l-oħra fil-qasam tas-saħħa li jinkludu ż-żmien esaġerat ta’ stennija għall-operazzjonijiet, l-iffullar fil-kurituri u l-istennija fid-Dipartiment tal-Emerġenza. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: