21.4.14

Bil-qgħad ikompli tiela’, l-unika soluzzjoni ta’ Muscat huma l-jobs mal-Gvern



Bil-qgħad ikompli tiela’, l-unika soluzzjoni tal-Prim Ministru Muscat huma l-jobs mal-Gvern. Din hi l-aktar konklużjoni evidenti li toħroġ mill-istatistika ppubblikata llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-persuni jaħdmu bi qligħ.

Din l-istatistika turi li fuq perjodu ta’ sena, in-numru ta’ persuni jfittxu x-xogħol f’pajjiżna kiber b’541 persuna, żieda ta’ 8%. Dan filwaqt li kważi 1,400, jew 30%, tal-impjiegi l-ġodda huma jobs mal-Gvern. Sa Novembru 2013, kien hemm 42,345 persuna jaħdmu mal-Gvern, meta mqabbla mal-40,893 fil-medja tal-2012, l-aħħar sena sħiħa tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.

Din hija evidenza ċara li l-ekonomija ta’ pajjiżna mhix toħloq biżżejjed attività, kif diġà ħareġ ċar f’riżultati ekonomiċi oħra bħal dawk marbuta mal-importazzjoni u l-esportazzjoni, il-produzzjoni industrijali u l-bejgħ tal-ħwienet. Dan kollu fl-aħħar mill-aħħar ifisser inqas flus fil-but għall-familji Maltin u Għawdxin, li b’hekk joħloq ċirku vizzjuż għax iwassal għal tnaqqis fl-attività kummerċjali ta’ pajjiżna.

Din l-istatistika tkompli tikkonferma n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern Laburista fil-qasam tax-xogħol, fejn fl-ewwel sena fit-tmexxija spikkaw in-nuqqas ta’ inċentivi favur l-industrija, favur l-intrapriżi żgħar u medji, kif ukoll favur is-sole traders. Huwa ta’ tħassib ukoll li kważi sena wara l-approvazzjoni ta’ aktar minn biljun ewro f’fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Gvern ta’ Muscat għadu ma ssottomettiex il-pjanijiet tiegħu ta’ kif se juża dawn il-fondi, biex dawn jibdew jintużaw minnufih fi skemi u inċentivi li jkabbru l-ekonomija u joħolqu aktar attività ekonomika.

Il-politika tal-Gvern li jaħbi l-problema tal-qgħad billi jdaħħal aktar ħaddiema jaħdmu mal-Gvern hi riċetta li diġà falliet f’pajjiżna u li ħolqot problemi kbar fil-pajjiżi ġirien tagħna, li kellhom iħallsu prezz qares minħabba l-piż li poġġew fuq il-finanzi pubbliċi li kellhom jidħlu għalih. Il-kont ta’ dan l-infieq bla rażan fl-aħħar mill-aħħar qed iħallas għalih il-poplu Malti u Għawdxi permezz ta’ żieda fil-piż tat-taxxa.

Filwaqt li sena wara l-elezzjoni, il-Gvern Laburista għadu qed joħloq l-impjiegi għal tal-qalba, b’pagi eżorbitanti maċ-Ċivil, ma jinteressaħ xejn mill-kważi 8,000 persuna – u l-familji tagħhom – li qed ifittxu post tax-xogħol. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern jagħti widen għall-appell ta’ dawn it-8,000 familja, u b’hekk jiżgura bil-fatti u mhux bil-paroli kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.

-

No comments: