24.4.14

Bi Gvern Laburista, ix-xogħol u n-negozju f’Għawdex ma marx għall-aħjar.



Minkejja li sena ilu Joseph Muscat wiegħed xogħol lill-Għawdxin f’Għawdex stess, ir-realtà hija li l-qgħad żdied b’6% f’Għawdex fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista. Fl-istess waqt in-negozju f’Għawdex jinsab wieqaf u x-xogħol qiegħed jingħata biss lil tal-qalba. 

Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Imġarr Għawdex, l-istess post li fih sena ilu Joseph Muscat għamel sensiela ta’ wegħdiet dwar kif se jżid ix-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Is-Segretarju Ġenerali kien akkumpanjat mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Cutajar u Francis Zammit Dimech.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ xogħol li qed jinħass kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Hu qal li Gvern Laburista żgur ma jistax jgħid li Malta hi aħjar fil-qasam tax-xogħol għax in-numru ta’ nies qiegħda żdiedu xahar wara l-ieħor biex illum it-total ta’ nies mingħajr xogħol kważi laħaq it-8,000 persuna, inkluż żieda ta’ 6% f’Għawdex. Il-Gvern uża l-enerġija tiegħu biex jaqdi lil tal-qalba u mhux biex jiżgura livell inqas ta’ qgħad. 

Chris Said sostna li fl-aħħar xhur diversi ħaddiema Għawdxin ingħataw transfer lejn Malta. Dan imur kompletament kontra waħda mill-wegħdiet li għamel Joseph Muscat lill-Għawdxin. Qabel l-elezzjoni, Joseph Muscat wiegħed ukoll casino f’Għawdex, wegħda li ma mmaterjalizzatx. 

Quddiem dan kollu, qal Chris Said, l-unika inizjattiva fil-qasam tax-xogħol f’Għawdex li ħareġ biha l-Ministru għal Għawdex biex jaħbi l-problema tal-qgħad kienet l-iskema “Sebbaħ u Ħaddar”, skema li toffri xogħol b’kundizzjonijiet prekarji. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-issue tal-aċċessibbiltà f’Għawdex. Hu għamel referenza għall-ftehim li Gvern Laburista għamel ma’ kumpanija Ċiniża, li hi blacklisted, biex isir studju dwar il-vijabilità li jinbena pont bejn Malta u Għawdex. Minkejja l-ftaħir kollu dwar il-ftehim li sar, sena wara l-pajjiż għadu fil-għama dwar dan l-istudju. 

Chris Said temm jgħid li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista lill-Prim Ministru hu: żomm il-wegħdiet li għamilt lin-negozji u lill-familji f’Għawdex. L-Għawdxin jafu li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem biex Għawdex tgawdi mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u llum għandu l-kredenzjali aktar minn qatt qabel sabiex jiddefendi l-interessi tal-Għawdxin fil-Parlament Ewropew. Il-familji u n-negozji kollha Għawdxin li jridu Għawdex Aħjar għandhom jitkellmu bil-vot tagħhom fl-24 ta’ Mejju. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: