29.4.14

12-il persuna tal-qalba tal-Partit Laburista se jieħdu €3 miljun f’din il-leġiżlatura.



Fl-ewwel sena tiegħu, Gvern Laburista ħadem għal tal-qalba biss, u filwaqt li żdied il-qgħad għal kważi 8,000 persuna mingħajr xogħol, tal-qalba ngħataw kuntratti skandalużi fil-ministru, entitajiet u istituzzjonijiet li l-Gvern hu responsabbli għalihom. Fost dawn il-kuntratti, tnax-il persuna li huma viċin ħafna tal-Partit Laburista u li ħadmu miegħu jew fi ħdanu bejniethom se jieħdu €3 miljun fil-ħames snin ta’ din il-leġiżlatura. 

Dan żvelah il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-aġenzija Malta Enterprise dalgħodu. Malta Enterprise hi eżempju ċar ta’ aġenzija li mtliet b’individwi appuntati politikament mingħajr sejħa mhux għax għandhom kompetenza f’xogħolhom iżda sempliċement għaliex huma tal-qalba. Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit ġie akkumpanjat mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa u mill-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia. 

Beppe Fenech Adami żvela l-ismijiet ta’ 12-il persuna li qabel Marzu 2013 kienu jaħdmu mal-Partit Laburista jew jagħtu servizzi lill-istess partit, u li fil-ħames snin li ġejjin bejniethom se jdaħħlu minn tal-inqas €3 miljun. Dawn huma:

- L-eks Kap tal-Aħbarijiet tal-Partit Laburista Manwel Micallef, li ngħata kariga fil-Wasteserv;
- L-eks ġurnalist tal-Partit Laburista Charlon Gouder, li ngħata kariga fis-Segretarjat ta’ José Herrera;
- L-eks ġurnalista tal-Partit Laburista Miriam Dalli, li nħatret konsulenta tal-Ministru Konrad Mizzi;
- L-eks uffiċjal tal-Partit Laburista Ray Azzopardi, li nħatar Ambaxxatur fil-Belġju;
- L-eks uffiċjal tal-Partit Laburista Aaron Farrugia, li nħatar Kap Eżekuttiv tal-Freeport;
- L-eks preżentatur tal-Partit Laburista Norman Hamilton, li nħatar Ambaxxatur fir-Renju Unit;
- L-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo, li nħatar Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta;
- L-eks konsulenta tal-Partit Laburista Marisa Micallef, li nħatret Ambaxxatriċi fl-Istati Uniti;
- L-awtur tal-ktieb tal-kampanja elettorali ta’ Joseph Muscat, Cyrus Engerer, li ngħata żewġ konsulenzi f’żewġ Ministeri differenti;
- Iċ-Chairman tal-media Laburista Jason Micallef, li nħatar Chairman tal-V18;
- L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jimmy Magro, li ħa kariga fil-Malta Enterprise; u
- L-eks Prokuratur Legali tal-Partit Laburista Peter Paul Zammit, li nħatar Kummissarju tal-Pulizija.

Ħatriet tal-qalba li ma jrendu xejn lit-taxpayer 

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-Malta Enterprise hu eżempju ċar ta’ ħatriet li qegħdin isiru mill-Gvern li huma intiżi biex jikkuntentaw lil tal-qalba iżda li fl-istess waqt m’huma jrendu xejn għall-pajjiż u għat-taxpayer. Ħatriet politiċi bħal dik tal-eks President tal-Partit Laburista Mario Vella li llum sar Chairman tal-Malta Enterprise, jew tal-eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jimmy Magro li wkoll ingħata rwol ma’ din l-aġenzija. 

Iżda l-ikbar skandlu fl-aġenzija Malta Enterprise, tenna Beppe Fenech Adami, tibqa’ l-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi b’paga ta’ €13,000 fix-xahar, paga li sal-lum għadna ma nafux x’sarrfet għall-pajjiż għax Sai Mizzi qatt ma tat rendikont ta’ xogħolha lit-taxpayer Malti. 
Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit sostna li l-ħatriet għal tal-qalba mhumiex biss xhieda ta’ nuqqas ta’ meritokrazija iżda huma wkoll eżempji ċari tan-nuqqas ta’ trasparenza tal-Gvern Laburista. Fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista staqsa numru mdaqqas ta’ Mistoqsijiet Parlamentari biex ikun jaf il-pakketti finanzjarji ta’ dawn l-uffiċjali pubbliċi mħallsin mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. Iżda l-Gvern dejjem ħeba l-pakketti finanzjarji ta’ dawn in-nies tal-qalba għax jistħi jgħid kemm qiegħed iħallas flus filwaqt li 8,000 persuna li mhumiex tal-qalba llum jinsabu mingħajr xogħol. 

Xogħol Aħjar għal tal-qalba biss

Ir-realtà hi li l-eżempju tal-Malta Enterprise hu biss wieħed minn take-over sħiħ ta’ kull aġenzija, entità u istituzzjoni tal-Gvern bil-għan li jiġu aġevolati n-nies tal-qalba. Illum il-gazzetta In-Nazzjon għandha storja fuq il-faċċata tagħha li tispjega l-musical chairs li qed iseħħu fl-ogħla karigi taċ-Ċivil. B’kollox fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet iċċaqilqu 7 Segretarji Permanenti:

- Joyce Dimech nħatret Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru;
- Fiona Formosa nħatret Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin;
- John Borg inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex;
- Nancy Caruana nħatret Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u Intrapriżi Żgħar;
- Ronald Mizzi nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa;
- Mario Dolores Ellul inħatret Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja;
- Mario Rodgers inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu.

Beppe Fenech Adami sostna li huwa diffiċli wieħed jifhem għaliex kien hawn dan iċ-ċaqliq kollu. Hu tenna li Segretarju Permanenti fih innifsu għandu jkun pilastru ewlieni li jirrappreżenta kontinwità fis-servizz pubbliku. Minflok Joseph Muscat qiegħed jitratta l-ogħla karigi fiċ-Ċivil bħala appuntati politiċi tiegħu u qed iħarbat iċ-Ċivil, tant li s-Segretarju Permanenti Prinċipali taċ-Ċivil innifsu diġà tkellem fil-passat dwar nuqqas ta’ tmexxija fiċ-Ċivil. Dan ġara meta Joseph Muscat għamel wipe-out tas-Segretarji Permanenti malli ġie elett u issa wkoll b’dan iċ-ċaqliq kollu. Anke l-ogħla karigi taċ-Ċivil saru rigali għal tal-qalba. 

Sar take-over taċ-Ċivil min-nies tal-qalba 

Beppe Fenech Adami sostna li dan it-take-over taċ-Ċivil min-nies tal-qalba mhuwiex ristrett għas-Segretarji Permanenti iżda jinsab f’kull livell taċ-Ċivil. Matul is-sena li għaddiet, f’attentat sabiex jaħbi ż-żieda fil-qgħad u biex jaqdi lin-nies tal-qalba, Muscat żied in-nies fiċ-Ċivil b’1,400 impjegat. Filwaqt li t-trend f’pajjiżna kien li jitnaqqsu l-ħaddiema maċ-Ċivil u jsiru inizjattivi u skemi biex jiżdied ix-xogħol fil-privat, issa għall-ewwel darba fi żmien twil żdiedu l-ħaddiema fiċ-Ċivil, minn 40,893 fl-2012, l-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista, għal 42,345 f’Novembru 2013. Dawn il-pagi kollha ssarrfu f’żieda fl-ispiża tal-Gvern ta’ €22 miljun għall-ewwel tliet xhur tal-2014: żieda li qed iħallas għaliha t-taxpayer.

Dan ifisser li t-taxpayer onest li ma nżammux il-wegħdiet miegħu din is-sena mhux talli mhux qed igawdi mis-sinċerità tal-Prim Ministru Muscat, iżda talli qiegħed ikollu joħroġ aktar flus f’taxxi biex iħallas lil tal-qalba. Il-ħaddiema tal-Enemalta, tal-Airmalta, tal-Arriva ilkoll jafu kemm il-Gvern kien u għadu qed ikun xħiħ magħhom u saħansitra qed imur lura fuq il-wegħdiet li għamlilhom. Iżda mhux l-istess għamel ma’ tal-qalba.

“Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Gvern jieqaf iżeblah bl-istituzzjonijiet b’dan il-mod daqstant arroganti u partiġġjan. Fuq kollox, qiegħed jinsisti li l-Gvern Laburista jkun onest u trasparenti mat-taxpayer Malti u Għawdxi u jaħdem għall-poplu sħiħ mhux għal tal-qalba biss,” temm jgħid Beppe Fenech Adami.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: