24.3.14

Żieda fil-liċenzji biex jagħmel tajjeb għar-rifużjoni tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi.




Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi, li fiha ħabbar id-dettalji tal-iskema tar-rifużjoni tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Ministru għat-Trasport qed jitlob lid-9,500 individwu li applikaw għal din l-iskema biex japplikaw mill-ġdid għal 7 snin wara xulxin, darba fis-sena, biex ikunu jistgħu jieħdu r-rifużjoni tagħhom. Dan huwa l-istess Gvern li jridna nemmnu li jrid inaqqas il-burokrazija b’25%. Il-Ministru Joe Mizzi ħa d-deċiżjoni wkoll li jelimina l-karozzi tal-kiri u vetturi kummerċjali minn din l-iskema. 

Li mhux qed jgħid il-Ministru Joe Mizzi hu li b’id waħda jagħtik u bl-oħra jeħodlok. Il-Gvern qiegħed jagħmel tajjeb għal din ir-rifużjoni billi daħħal żidiet sinifikanti fil-liċenzji tat-triq. Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, il-Gvern daħħal seba’ taxxi ġodda li ma kienx ħabbar fil-Baġit, fosthom żieda ta’ €16-il biex tiġi mġedda l-liċenzja għal 5 snin u €30 għal 10 snin, żieda ta’ €25 biex tinħareġ liċenzja tas-sewqan fi żmien 24 siegħa, żieda ta’ €4 għal-liċenzji tas-sewqan internazzjonali u żieda ta’ €4 għal duplicate driving licence. 

Barra minn hekk, mill-bidu tax-xahar eluf ta’ żgħażagħ bdew jiffaċċjaw żidiet fl-ispejjeż sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw il-Liċenzja tas-Sewqan. Mill-1 ta’ Marzu, żgħażagħ li jgħaddu mit-test tas-sewqan qed jintalbu jħallsu €9 aktar meta jmorru biex jiġbru l-liċenzja tas-sewqan tagħhom, minn €22 għal €31. Dan barra żieda sabiex isir it-test tas-sewqan nhar ta’ Sibt. Filwaqt li qabel, iż-żgħażagħ kienu jintalbu biss jibagħtu ittra b’talba u spjegazzjoni biex jagħmlu t-test tagħhom nhar ta’ Sibt, issa qed jintalbu jħallsu €16.75 aktar mal-ammont li normalment iħallsu għat-test. Dan hu piż żejjed fuq l-istudenti, li minħabba raġunijiet ta’ studju mhux dejjem ikunu jistgħu jagħmlu dan it-test matul il-ġimgħa.

Kull ma jmur qed joħroġ aktar biċ-ċar li dan il-Gvern qed jagħmel tajjeb għar-rifużjoni tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi permezz ta' żieda fil-liċenzji u taxxi ġodda oħra. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: