28.3.14

PN Stqarrija - Oppożizzjoni li lesta taħdem għall-ġid ta' Malta




L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tkun ta' eżempju fix-xogħol tagħha biex tara li l-interessi ta' Malta jiġu l-ewwel u qabel kollox. Din hi Oppożizzjoni li qed taqdi l-funzjoni demokratika tagħha li żżomm lill-Gvern taħt skrutinju, imma fl-istess ħin dejjem tieħu deċiżjonijiet li jkunu ta' ġid għall-poplu Malti u Għawdxi.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia llum waranofsinhar fid-Dar Ċentrali. Din iż-żjara saret hekk kif l-Ispeaker qed iniedi ktieb ġdid dwar il-ħidma parlamentari tal-ewwel sena ta' din il-leġiżlatura.

Anġlu Farrugia spjega kif l-iskop ta' dan il-ktieb huwa li jinżamm rekordju dettaljat tax-xogħol fi ħdan il-Parlament, biex kulħadd ikollu referenza għall-ħidma li ssir f'din l-istituzzjoni. Il-ktieb jiġbor fih ġabra ta' rulings li ngħataw mill-Ispeaker Farrugia matul din l-ewwel sena tiegħu f'din il-kariga, kif ukoll statistika dwar il-laqgħat, liġijiet u mozzjonijiet li tressqu fil-Parlament.

Farrugia ddedika dan il-ktieb lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni bħalha ringrazzjament għax-xogħol tagħhom, filwaqt li faħħar lil Kap tal-Oppożizzjoni għax-xogħol li qed jagħmel f'numru ta' kumitati li fosthom hemm minnhom li twaqqfu bl-inizjattiva tal-istess Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Farrugia qal li huwa jaqbel ma' Simon Busuttil li l-Parlament jistħoqqlu awtonomija akbar min dik li jgawdi minnha bħalissa, u stqarr li demokrazija effettiva tirrikjedi li l-Parlament ikun għall-kollox indipendenti mill-eżekuttiv tal-pajjiż.

Min-naħa tiegħu Simon Busuttil ukoll irringrazzja lill-Ispeaker Anġlu Farrugia għall-ħidma tiegħu f'din il-leġiżlatura, u faħħar l-inizjattiva li x-xogħol parlamentari jiġi kkatalogat biex il-pubbliku jkun jista jitgħallem iżjed dwar il-ħidma li ssir mir-rappreżentanti li jeleġġi fil-Parlament. Busuttil reġa' saħaq l-importanza li l-Parlament ikun awtonomu u ma jkun hemm l-ebda ndħil mill-Gvern fix-xogħol tal-Parlament, li jservi bħalha wieħed mit-tliet pilastri ewlenin tal-istat Malti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma kif l-Oppożizzjoni qed tkun waħda kostruttiva, li mhux biss iżżomm lill-Gvern taħt skrutinju - bħal ma għamlet bil-pass li ħadet biex tintroduċi Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika - iżda wkoll billi taħdem id f'id mal-Gvern meta dan ikun ta' ġid għall-pajjiżna - bħalma m'hija se tagħmel l-Oppożizzjoni meta tivvota favur in-nomina ta' Marie Louise Coleiro Preca għall-President ta' Malta. Busuttil fakkar kif dan il-vot ser ikun wieħed storiku hekk se jkun l-ewwel darba li Oppożizzjoni tivvota favur persuna nominata għall-President mill-kamp oppost tal-Gvern.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: