28.3.14

PN Stqarrija - Is-settur tas-saħħa għandu bżonn iktar miżuri konkreti, innovattivi u mmirati lejn l-isfidi ewlenin li għandna quddiemna



B’mod ġenerali, l-ewwel sena ta’ Gvern Laburista fil-qasam tas-saħħa la laħqet l-aspettattivi tan-nies u wisq anqas wettqet dak li l-Partit Laburista wiegħed qabel l-elezzjoni. Minbarra n-nuqqas kbir ta’ stabbilità u serenità li qed jirrenja f’dan is-settur, il-Gvern għamel sena għaddej minn kriżi għall-oħra fl-aspetti l-aktar importanti tas-servizz tas-saħħa. 

Dan stqarru l-Kelliem għas-Saħħa Claudio Grech f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ppreżenta r-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-operat tal-Gvern Laburista fil-qasam tas-saħħa fl-ewwel sena tal-leġiżlatura tiegħu.  Claudio Grech spjega wkoll kif f’numru ta’ oqsma l-Gvern naqas milli jagħraf jibni fuq il-pedamenti li sab u b’hekk minflok inħolqu soluzzjonijiet innovattivi, spiċċaw inħolqu problemi ġodda li ssarrfu f’nuqqasijiet strateġiċi tal-politika tas-saħħa mħaddma mill-Gvern Laburista. Ewlenin fost dawn:

1.         It-tneħħija tar-responsabbiltà għas-settur tal-anzjani minn taħt il-Ministeru għas-Saħħa.
2.         Instabbilità fit-tmexxija tas-settur ġejja mill-inċertezza maħluqa mir-reshuffle (potenzjali) tal-Ministri. 
3.         Tnaqqis ta’ ħidma mas-settur tas-saħħa privat.
4.         Tnaqqis ta’ 60% fl-investiment kapitali fil-qasam tal-kura primarja.
5.         Xhur sħaħ ta’ kriżi ta’ ffullar ta’ sodod fil-kurituri tal-Isptar, li qed iwassal biex pazjenti ma jingħatawx l-aftercare kollu neċessarju.
6.         L-ebda miżuri ġodda fil-qasam tal-kura fil-komunità, l-anzjani u r-riabilitazzjoni.
7.         Kunflitt kostanti mal-unions li naqqas is-serenità fl-operat.
8.         Minkejja l-investiment li sar fih, ir-rapport ta’ John Hopkins Medicine International ma ngħatax l-importanza meħtieġa.
9.         Il-mediċini out-of-stock baqgħu problematiċi.
10.       Ir-riskji li qed jesponi lis-settur tas-saħħa għalihom bis-sistema tal-IT (CPAS) li qed tiddaħħal.

Claudio Grech spjega wkoll kif f’dan is-settur il-Gvern mhux talli ma saħħaħx il-meritokrazija, talli injora kull forma ta’ mertu fil-mod ta’ kif jinħatru u jitneħħew l-uffiċjali pubbliċi. Dan irrifletta ruħu wkoll fid-deċiżjoni li jinqasam id-Dipartiment tal-Cardiac Services kontra l-parir tal-esperti f’dan il-qasam.

Matul din il-konferenza, Claudio Grech elenka wkoll numru ta’ miżuri mwettqa li l-Partit Nazzjonalista jqishom bħala pożittivi u li għandhom l-appoġġ sħiħ tiegħu. Fost dawn, Grech semma l-kontinwazzjoni ta’ diversi proġetti validi li kienu nbdew mill-Gvern preċedenti, ewlenin fosthom: iż-żieda fl-allokazzjoni tal-baġit b’mod ġenerali, ħidma biex jinfetħu aktar wards fl-Isptar Mater Dei, xogħol fuq l-istrateġiji tad-dementia u tal-obeżità u t-tlestija taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kandidat għall-Parlament Ewropew Kevin Plumpton li elenka sensiela ta’ problemi li qed jiffaċċja s-settur tal-kura tas-saħħa mentali f’pajjiżna li wkoll spiċċa vittma ta’ sensiela sħiħa ta’ deċiżjonijiet żbaljati. Plumpton qal li hija sfortuna li l-Partit Laburista fi żmien sena ppolitiċizza l-kura fis-saħħa mentali b’manuvri politiċi li jissarrfu f’riżultati negattivi u li minħabba fihom qed ibati l-pazjent. Fost oħrajn, Plumpton semma l-urġenza sabiex jerġa’ jissaħħaħ il-crisis intervention team u jerġa’ jopera mill-isptar Mater Dei u dan sabiex jingħata servizz immedjat u effettiv lil min jesperjenza kriżi ta’ natura mentali. Il-kandidat Nazzjonalista appella lill-Gvern sabiex iqum mir-raqda u jżid is-servizzi, waqt li jsaħħaħ dawk preżenti fil-komunità. B’dan il-mod tinqata’ l-istigma’ marbuta ma’ din il-kundizzjoni fl-interess tal-pazjent.  

Claudio Grech ta rendikont ukoll tal-ħidma tal-Partit Nazzjonlista f’dan il-qasam u spjega kif il-Partit Nazzjonalista rnexxielu li għalkemm mill-Oppożizzjoni jagħmel differenza kbira fis-settur tas-saħħa. Saħaq li l-PN qed jagħti vuċi lill-pazjenti li mhux qed jingħataw is-servizz xieraq kif ukoll qed ikun ta’ spalla għall-ħaddiema kollha biex ħidmiethom tkun apprezzata u msaħħa.

Hu saħaq li filwaqt li l-Oppożizzjoni se tkompli tagħmel l-iskrutinju tagħha b’mod effettiv u kostanti, se tibqa’ taħdem biex jintlaħaq kunsens fuq il-materji strateġiċi fil-qasam tas-saħħa, permezz tal-parteċipazzjoni attiva fil-Kumitat Permanenti għas-Saħħa u billi tibqa’ toħroġ bi proposti ta’ kif is-servizz jista’ dejjem jibqa’ jitjieb u tissaħħaħ is-sostenibbiltà tiegħu.

-- 
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments: