27.3.14

Pieni aktar b'saħħithom għal theddid u reati kontra uffiċjali pubbliċi



Mill-bieraħ daħlu fis-seħħ f’pajjiżna pieni aktar ħorox fuq każijiet ta’ uffiċjali pubbliċi li jiġu mhedda jew attakkati waqt li jkunu qegħdin jaqdu dmirijiethom. Dan sar b’riżultat ta’ Private Member’s Bill li tressqet mill-Oppożizzjoni fil-Parlament permezz tal-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi.  

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bitħa tal-Palazz tal-President, il-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi fakkar kif f’Ġunju 2013, l-Oppożizzjoni ppreżentat abbozz ta’ liġi sabiex jemenda l-Kodiċi Kriminali, bil-għan li jiħraxu l-pieni għal min iweġġa’ uffiċjal pubbliku. 

Permezz tal-emendi proposti mill-Oppożizzjoni l-pieni għal reati vjolenti fuq uffiċjali pubbliċi issa jvarjaw minn minimu ta’ sena priġunerija u multa ta’ €4,000 għal massimu ta’ seba’ snin priġunerija u multa ta’ €20,000. Dan l-abbozz kien intiż biex jipproteġi lil aktar minn 20,000 uffiċjal pubbliku li jaħdmu mal-Gvern, inkluż għalliema, tobba u infermiera, membri tal-korpi dixxiplinarji, membri tal-ġudikatura u ħaddiema fis-servizz pubbliku, u sar wara li f’dawn l-aħħar snin l-istatistika wriet li kienu qed jiżdiedu r-reati vjolenti fuq uffiċjali pubbliċi sena wara l-oħra. 

Il-Kelliem għall-Intern esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif il-Gvern u l-Oppożizzjoni ħadmu flimkien sabiex jiddefendu lil min ikun qiegħed jaqdi dmiru bħala uffiċjal pubbliku. Hu stqarr li din l-inizjattiva turi kemm l-Oppożizzjoni hi verament waħda kostruttiva li qiegħda tipproponi u mhux biss tikkritika. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: