24.3.14

L-Oppożizzjoni tressaq mozzjoni biex jiġi revokat l-Avviż Legali 47 tal-2014.



L-Oppożizzjoni llum ressqet Mozzjoni fil-Parlament sabiex jiġi revokat l-Avviż Legali 47 tal- 2014 li jiġbor fih ir-regolamenti tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Il-Mozzjoni tressqet mill-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi. 

L-Oppożizzjoni ressqet din il-Mozzjoni wara li fit-3 ta’ Marzu l-Kap tal-Oppożizzjoni bagħat numru ta’ emendi għall-konsiderazzjoni tal-Prim Ministru sabiex l-iskema taċ-ċittadinanza tkun tirrifletti l-ftehim ta’ residenza effettiva. Fil-Mozzjoni li ppreżentat illum l-Oppożizzjoni qiegħda tinsisti li:

1.       L-Avviż Legali ma jsemmix li l-perjodu ta’ residenza ta’ tnax-il xahar irid ikun effettiv u lanqas ma jsemmi li tali perjodu japplika għad-dipendenti u qraba kollha tal-applikant ewlieni b’mod li jiftaħ il-bieb beraħ għall-abbużi u li żgur juri li mhux veru qiegħed ikun applikat in bona fede l-ftehim li l-Gvern kien kostrett jilħaq mal-Kummissjoni Ewropea;
2.       L-Avviz Legali, eżatt kontra dak li wiegħed il-Prim Ministru fil-konferenza tal-aħbarijiet tiegħu tat-23 ta’ Dicembru 2013, jistipula li din l-iskema ser titħaddem minn kumpanija privata u mhux minn aġenzija tal-Gvern Malti;
3.       L-Avviż Legali b’mod mill-aktar irresponsabbli jagħti d-dritt lil din il-kumpanija privata barranija (Henley and Partners) li tirċievi l-ħlas kollu mingħand kull applikant u anke li jżomm dawn il-flejjes għall-perjodu kollu ta’ verifika (due diligence), u ċjoe minn 6 xhur sa sentejn, u dan mingħajr ebda tip ta’ salvagwardji favur il-Gvern Malti;
4.       L-Avviż Legali jagħti l-poter lill-Ministru għall-Intern biex jagħti ċ-ċittadinanza Maltija anke lil min għandu rekord kriminali jew li hu ta’ theddida kontra s-sigurtà nazzjonali ta’ Malta jew li hu involut f’xi attività li tagħti isem ħażin lil Malta; u
5.       L-Avviż Legali ma jipprovdix li l-lista tal-ismijiet ta’ dawk li jingħataw iċ-ċittadinanza tkun ippubblikata b’mod separat u distint mil-lista ta’ ismijiet ta’ dawk li jingħataw iċ-ċittadinanza bi żwieġ jew naturalizzazzjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni tqis u temmen li dawn ir-raġunijiet juru kemm l-Avviż Legali 47 tal-2014 imur direttament kontra l-interess nazzjonali u kontra dak li wiegħed l-istess Prim Ministru fid-dikjarazzjonijiet li huwa għamel fil-ġimgħat li għaddew.



--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: