24.3.14

Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali.



Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex jagħti aktar importanza lill-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni razzjali kemm bil-kliem kif ukoll permezz ta’ programmi u inizjattivi edukattivi li jippromwovu l-ugwaljanza, l-integrazzjoni u r-rispett interkulturali. 

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għaż-żieda fil-ksenofobija u r-razziżmu li hi evidenti kemm f’rapporti fil-media lokali kif ukoll fuq is-social media. Din iż-żieda mhijiex koinċidentali, u deċiżjonijiet politiċi bħalma kienu l-attentat tal-Prim Ministru li jwettaq pushback fuq l-immigranti irregolari li waslu f’pajjiżna s-sajf li għadda kif ukoll l-użu tiegħu ta’ lingwaġġ aggressiv żgur li ma tawx eżempju tajjeb lill-pubbliku, li jfittex lill-politiċi għal direzzjoni politika. 

Mhux l-ewwel darba li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u NGOs involuti f’dan il-qasam ġibdu l-attenzjoni tal-Gvern għall-ħtieġa li jkun aktar sensittiv fil-mod kif jindirizza dan il-qasam. Hija ħasra li filwaqt li l-Prim Ministru jgħid li qed isaħħaħ l-istrutturi tiegħu kontra d-diskriminazzjoni, fis-sena li għaddiet uża diskors li tikkontribwixxi għal żieda fil-ksenofobija. 

Il-Partit Nazzjonalista jiddikjara l-appoġġ sħiħ tiegħu biex jinbnew strutturi li jiġġieldu l-ksenofobija u d-diskriminazzjoni razzjali, fosthom istituzzjoni u inizjattivi favur id-drittijiet tal-bniedem mibnija madwar il-Prinċipji ta’ Pariġi. Dawn l-inizjattivi għandhom isiru b’konsultazzjoni wiesgħa bil-għan li jkomplu jibnu fuq liġijiet li nbnew fil-leġiżlaturi li għaddew kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni, inkluż dik razzjali. Il-Partit Nazzjonalista lest jagħti l-appoġġ tiegħu għal dan il-għan, inkluż permezz tal-Kumitat Parlamentari għall-Immigrazzjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: