27.3.14

Joseph Muscat jagħżel li jkompli jipprova jħammeġ minflok jitlob lill-Kummissarju jinvestiga.


Stqarrija b’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista dwar kuntratti b'rabta mal-ħidma biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea u fondi Ewropej

It-tfigħ tat-tajn, it-tgħawwiġ tal-fatti u n-negattività ta’ Joseph Muscat u tal-Partit Laburista m’għandhomx limitu. Il-Prim Ministru Muscat qed jagħżel li jkompli jipprova jħammeġ minflok jilqa’ l-isfida tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex il-Kummissarju tal-Pulizija jintalab jinvestiga.

Joseph Muscat donnu qiegħed jinsa li issa m’għadux reporter tas-Super One iżda Prim Ministru ta’ pajjiżna. Joseph Muscat qed jaħrab mid-dover tiegħu bħala Prim Ministru, u cjoé li jitlob lill-Pulizija tinvestiga kull fejn ikollu dubju dwar aġir mhux xieraq.

Joseph Muscat komdu biss jitfa’ t-tajn biex iħammeġ. Joseph Muscat ma jridx li toħroġ il-verità sħiħa dwar dan il-każ għax jaf li l-verità ma tkunx iddoqq tajjeb għal widnejh.

Xejn ġdid mill-Partit Laburista. Xejn ġdid minn Joseph Muscat.

Huwa ċar li Joseph Muscat jippreferi jibqa’ jagħmilha ta’ showman milli ta’ Prim Ministru, u qed jitfa’ t-tajn fuq ħaddieħor biex inessi li f’sena ta’ Gvern Laburista, sawwar Malta li hi tiegħu biss.

Tant hu hekk, li Joseph Muscat sar l-ewwel Prim Ministru li qed jikri l-karozza tiegħu lilu nnifsu biex idaħħal €35,000 oħra għalih inniffsu.

Il-kredibbiltà tal-Prim Minstru Joseph Muscat tkompli tittappan meta wieħed jifhem li beda din il-kampanja orkestrata kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex mingħalih joħnoq il-vuċi tal-Oppożizzjoni.

Sadanittant, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu qatt ma offra l-ebda spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni għall-jobs li ta:

- Lill-ħabiba tal-mara tiegħu b’paga ta’ €60,000 fis-sena, imħallsa mit-taxxi tal-poplu Malti,  biex hi tkun tista’ tkompli tmexxi n-negozju tagħha fi New York; u
- Lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li qed titħallas €13,000 fix-xahar mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments: