24.3.14

Il-Prim Ministru qed ipoġġi l-politika partiġjana qabel is-saħħa u s-sigurtà tan-nies.



Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-attività politika tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Birżebbuġa. Dalgħodu l-Prim Ministru tilef opportunità tad-deheb biex iserraħ ras ir-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa dwar id-deċiżjoni tiegħu li jaħżen il-gass għall-power station il-ġdida fuq tanker ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Iżda minflok serraħ ras in-nies dwar is-saħħa u s-sigurtà tagħhom, għażel li jkompli jwebbes rasu, jinjora l-preokkupazzjonijiet li tqajmu mir-residenti, l-għaqdiet ambjentali, is-sajjieda u mill-Oppożizzjoni, u jankra ruħu mal-gidba tal-fabbrika tal-kanċer. 

Ir-realtà hi li għada l-Prim Ministru Muscat ser iressaq proposta biex jinħażen il-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk mingħajr ma jissottometti l-istudji kollha meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni li hi studjata u li tikkunsidra r-riskji kollha relatati mal-proġett. Din mhi xejn għajr qabża kbira fid-dlam li ser tpoġġi riskju bla bżonn fuq ir-residenti u fuq kull min jaqla’ l-għajxien tiegħu minn Marsaxlokk u Birżebbuġa.

F’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista mill-ġdid jappella lill-Prim Ministru Muscat u lill-MEPA sabiex għada jpoġġu l-interessi tar-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta qabel l-iskopijiet partiġjani tal-Gvern Laburista. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: