20.3.14

Il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ sieket dwar il-gideb tal-Ministru Mallia.



Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-istqarrija tal-Ministeru għall-Intern b’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu. Hu ċar li l-uniku intenzjoni tal-Ministru għall-Intern Manuel Mallia hu li jgħawweġ il-fatti tal-każ b’nofs veritajiet biex jipprova jħawwad moħħ in-nies.

Manuel Mallia jaf li s-security clearance jingħata skont ir-responsabbiltà li għalih persuna tkun qiegħda tiġi kkunsidrata. Il-fatt li fi Frar ta’ din is-sena kien għadu għaddej proċess mal-banek biex isir is-security clearance tal-Kmandant u d-Deputat Kmandant jikxef kemm għadu ma tlestiex is-security clearance fl-ogħla livell, hekk kif jitlob il-grad tagħhom, jiġifieri dak ta’ Top Secret. Dan kollu juri li Manuel Mallia kien u għadu qiegħed jigdeb dwar il-fatt li ma sarx is-security clearance meħtieġ u li qiegħed jippersisti f’gidba wara oħra dwar kwistjoni ta’ importanza nazzjonali. 

Manuel Mallia qed jipprova jħawwad moħħ in-nies billi jsemmi l-proċeduri ta’ skrutinju li huma marbuta ma’ gradi ta’ uffiċjali aktar l-isfel minn dawk ta’ Kmandant u Deputat Kmandant. Il-verità hi li l-iskrutinju għall-għola karigi fl-Armata f’dan il-każ sar xhur wara li saret il-ħatra ta’ Jeffrey Curmi u Mark Mallia bħala Kmandant u Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dawn il-proċeduri għall-skrutinju tal-għola gradi fl-Armata nqalbu ta’ taħt fuq minn Manuel Mallia bħala l-Ministru għall-Intern.

Il-Prim Ministru Muscat ma jistax jibqa’ sieket quddiem l-aħbar li l-Brigadier u d-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati għadhom mingħajr is-security clearance meħtieġ għall-kariga tagħhom. Is-skiet tal-Prim Ministru jfisser biss li hu kompliċi fil-gideb ta’ Manuel Mallia. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: