24.3.14

Il-Prim Ministru juri kemm iqis l-istituzzjonijiet bħala għodda partiġjana u li jista’ jgħaddi minn fuqhom bħalma qed jagħmel mal-poplu Malti u Għawdxi



Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-aħbar li l-Prim Ministru kiteb liċ-Chairman tal-MEPA u infurmah li beħsiebu jibqa’ għaddej bil-proġett tal-power station u l-ħażna tal-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk jekk jiġi approvat illum, anke jekk isir appell. Il-Partit Nazzjonalista jqis l-ittra tal-Prim Ministru bħala waħda ntiża biss biex tkompli tikkundizzjona lill-membri tal-Bord tal-MEPA li qegħdin jintalbu mill-Gvern Laburista jieħdu deċiżjoni dwar il-proġett tal-power station ġdida dalgħodu. 

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li mill-ewwel ġurnata tiegħu bħala Prim Ministru, Joseph Muscat webbes rasu u għamel minn kollox biex jinjora u jiskredita l-preokkupazzjoni ġenwina tar-residenti, is-sajjieda, kull min jaqla’ l-għajxien tiegħu miz-zona ta' Marsaxlokk u Birżebbuġa, l-għaqdiet ambjentali u l-Oppożizzjoni. Il-Prim Ministru Muscat saħansitra appunta membru fil-Bord tal-MEPA li għandu interess dirett f’dan il-proġett. M'hemmx dubju li l-Prim Ministru kien jaf b'dan minn qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Dan kollu jikxef kemm għall-Prim Ministru l-istituzzjonijiet qegħdin hemm sabiex iservu l-interessi partiġjani tiegħu u tal-Partit Laburista u mhux biex iservu l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi. Dan hu Gvern li, iffaċċjat bi kritika kostruttiva, jinsisti li jisma’ lilu nnifsu biss.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: