24.3.14

Il-Prim Ministru għandu jpoġġi l-interessi tar-residenti qabel l-interess partiġjani tiegħu.



Il-Prim Ministru Muscat qiegħed jitlob lill-MEPA tapprova d-deċiżjoni tiegħu li jaħżen il-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk mingħajr ma jippreżenta l-istudji meħtieġa biex ikun jista’ jserraħ ras ir-residenti u ta’ kull min jaqla’ l-għajxien tiegħu minn Marsaxlokk u Birżebbuġa. Għalhekk qiegħed nappella lill-MEPA biex għada tiddefendi lir-residenti u mhux l-interessi partiġjani tal-Prim Ministru. 

Dan kien l-appell li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt rally b’appoġġ għar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa fil-pjazza ta’ Marsaxlokk illum. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li d-deċiżjoni li jinħażen il-gass fuq tanker ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk iġib miegħu numru ta’ riskji u huwa irresponsabbli għall-aħħar li l-Prim Ministru qed jinjora l-preokkupazzjonijiet tar-residenti u tal-esperti meta għandu possibbiltajiet oħra li jista’ jesplora. Anke jekk il-Prim Ministru Muscat qiegħed jinsisti li jaħżen il-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk, għandu minn tal-inqas jikkummissjona u jippubblika risk assessments serji u li jindirizzaw ir-riskji ta’ dan il-proġett. 

Simon Busuttil irrefera għal dak li qal il-Prim Ministru fuq Xarabank dwar id-deċiżjoni tiegħu li jaħżen il-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk, fejn implika li l-Oppożizzjoni tista’ b’xi mod tikkunsidra li twettaq sabutaġġ fuq dan il-proġett. Dawn il-kliem huma mill-aktar irresponsabbli u jikxfu l-istat ta’ paniku tal-Prim Ministru, li qed joħloq il-periklu hu stess bl-għebusija tar-ras tiegħu. 

Fin-nuqqas ta’ studji serji dwar ir-riskji relatati ma’ dan il-proġett, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-membri tal-Bord tal-MEPA biex għada jagħrfu li l-ewwel prijorità tagħhom għandha tkun li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti tan-Nofsinhar tal-pajjiż. Għal dan ir-raġuni, stqarr Simon Busuttil, ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fil-Bord tal-MEPA Ryan Callus għada mhux se jivvota favur dan il-proġett. 

Il-Prim Ministru jinsisti li jisma’ lilu nnifsu biss

Fl-insistenza tiegħu li jankra l-periklu fil-bajja ta’ Marsaxlokk, il-Prim Ministru qed jinjora dak li qegħdin jgħidulu 91% tar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, l-espert tal-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa l-Prof Hans Pasman, l-espert imqabbad mill-Kunsilli Lokali ta’ Marsaxlokk u ta’ Birżebbuġa l-Ing Arthur Ciantar, il-President tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd Ray Bugeja, l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Nazzjonalista. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lid-Deputat Laburista Marlene Farrugia li kellha l-kuraġġ li tesprimi t-tħassib tar-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta. Hu fakkar kif Marlene Farrugia kienet l-unika Membru Parlamentari tal-Partit Laburista mill-ħames distrett li kellha l-kuraġġ tiddefendi lir-residenti. Dan filwaqt li l-Membri Parlamentari l-oħrajn u s-Sindki Laburisti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa lkoll għażlu li jiddefendu l-interessi partiġjani tal-Partit Laburista flok l-interessi tar-residenti. Anke ċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta injora għalkollox lir-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta meta għażel li ma jiddiskutix din il-kwistjoni fil-Kunsill. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-istess Prim Ministru li jridna nemmnu li jisma’ qed jinsisti li jisma’ lilu nnifsu biss. 

Solidarjetà mal-ħaddiema tal-Enemalta

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima s-solidarjetà tiegħu mal-ħaddiema tal-Enemalta li din il-ġimgħa ġew mgħarrfa li jridu jagħżlu jew li titnaqqsilhom il-paga tagħhom jew li jingħaqdu mal-kumpanija Ċiniżi li xtrat partijiet mill-Enemalta. Dawn il-ħaddiema li jaċċettaw li jingħaqdu mal-kumpanija Ċiniża jistgħu anke jintalbu jaħdmu barra għal xi żmien. Dan hu każ ieħor ta’ ingann għaliex il-Prim Ministru Muscat qabel l-elezzjoni ġenerali kien wiegħed solennement lil dawn il-ħaddiema li xogħolhom hu garantit.

Simon Busuttil sostna li bl-istess mod li l-Prim Ministru inganna lill-ħaddiema tal-Enemalta, issa qed ikompli jinganna lir-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa. Huwa fakkar kif il-Prim Ministru qabel l-elezzjoni beżża’ lir-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta dwar il-fabbrika tal-kanċer. Wara li għaddiet l-elezzjoni, l-esperti indipendenti barranin li qabbad il-Prim Ministru stess giddbu lill-Prim Ministru u qalulu li dak li qal ma kienx minnu. Dan hu l-istess Prim Ministru li qatt ma qal li se jaħżen il-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk; qabel l-elezzjoni kien isostni li se jaħżen il-gass fuq l-art. Il-Prim Ministru Muscat kontinwament jinqabad jigdeb u jipprova jgħaddi lin-nies biż-żmien. 

Il-Prim Ministru għandu jagħmel l-istudji neċessarji qabel ma jkompli bil-proġett

Ir-rally ġiet indirizzata wkoll mill-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista u espert fil-liġi marittima Dr Ann Fenech li saħqet li l-awtoritajiet għandhom jagħmlu l-istudji neċessarji kollha qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-MEPA dwar proġett li permezz tiegħu se ssir ħażna ta’ gass fuq tanker f’bajja tant kruċjali għan-Nofsinhar tal-pajjiż. Dawn jinkludu studju tal-impatt marittimu tal-ħażna tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

-- 
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: