25.3.14

Il-Partit Nazzjonalista jniedi l-Forum tal-Professjonisti.




Il-Partit Nazzjonalista llum nieda organu ġdid – il-Forum tal-Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista – li se jservi bħala pjattaforma għal nies ta’ professjoni u gradwati biex isemmaw leħinhom u jagħtu sehemhom biex iressqu lill-partit aktar viċin il-professjonisti. Dan il-forum se jiġbor fi ħdanu numru ta’ gradwati li llum huma stabbiliti fil-professjonijiet rispettivi tagħhom.

F’kummenti li ta fl-ewwel laqgħa tal-Forum tal-Professjonisti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-interess li qajmet din l-istruttura ġdida fost il-gradwati u persuni mill-professjonijiet. Hu qal li dan l-organu se jkollu rwol li jressaq lill-partit aktar viċin in-nies fi professjoni, kemm permezz ta’ djalogu u komunikazzjoni, kif ukoll f’ħidma biex titfassal il-politika tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam. Permezz ta’ dan l-organu, il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jsaħħaħ il-pont mal-professjonisti li ta’ kuljum jaħdmu id f’id mas-soċjetà.

Simon Busuttil spjega li dan l-organu huwa mibni skont il-prinċipji ta’ ugwaljanzi stipulati fl-Istatut il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri bħala forum jikkonsisti minn numru ugwali ta’ rġiel u nisa. Il-membri tal-ewwel kumitat ta’ dan l-organu jinkludu avukati, periti, infermiera, accountants, tobba, riċerkaturi, ekonomisti u ħafna oħrajn. Membru minn dan l-organu se jiġi magħżul ukoll sabiex jirrappreżenta lill-Forum tal-Professjonisti fl-organi kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Forum tal-Professjonisti kien imħabbar fil-Kunsill Ġenerali ta’ Frar li għadda, u kien wieħed minn firxa wiesa’ ta’ fora ġodda u emendi innovattivi li ġew introdotti fl-Istatut tal-Partit Nazzjonalista. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista.

No comments: