20.3.14

Il-Ministru għall-Intern inqabad jigdeb dwar is-security clearance tal-Brigadier u d-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta.



L-aħbar li l-aktar uffiċjali mlaħħqin fil-Forzi Armati ta’ Malta, inkluż il-Brigadier innifsu, ingħataw il-promozzjonijiet tagħhom mingħajr ma sar il-proċess li permezz tiegħu jingħataw security clearance jikxef żewġ affarijiet: (1) li l-Ministru Emanuel Mallia gideb sfaċċatament meta f’Settembru 2013 qal li dan il-proċess kien sar; u (2) li dawn l-uffiċjali għandhom aċċess għal dokumentazzjoni sigrieta bi ksur ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew u bi ksur tal-fiduċja li qed tingħata lilna mill-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan juri kemm il-Gvern Laburista ma jiddejjaq xejn jigdeb, basta jaqdi u jaġevola lin-nies tal-qalba. 

Dan stqarru l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-Ġustizzja Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu, b’reazzjoni għall-istorja li l-Brigadier tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi u d-Deputat Kmandant Mark Mallia ma kellhomx is-security clearnance meħtieġ mill-Kunsill Ewropew qabel ma ngħataw il-promozzjonijiet tagħhom. Din l-aħbar ġiet żvelata fuq is-sit elettroniku MaltaToday. Kemm il-Brigadier kif ukoll id-Deputat Kmandant ġew promossi f’Diċembru li għadda, iżda l-aħbar li ġiet żvelata dalgħodu tikkonferma dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni, jiġifieri li dawn iż-żewġ uffiċjali ma kienx sarilhom is-security clearance meħtieġ biex ikunu jistgħu jokkupaw karigi daqstant sensittivi, storja li kienet ilha li qajmet l-Oppożizzjoni.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li dan l-aħbar igiddeb lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Emanuel Mallia u turi bl-aktar mod ċar li għal numru ta’ xhur pajjiżna kellu, jista’ jkun li għad għandu, Brigadier u Deputat Kmandant tal-Armata li ma sarilhomx security clearance hekk kif mitlub mill-Unjoni Ewropea.  Agħar minn hekk, saħaq Beppe Fenech Adami, il-Brigadier u d-Deputat Kmandant it-tnejn għandhom aċċess għall-aktar informazzjoni sigrieta tal-pajjiż u anke fuq livell Ewropew, u dan mingħajr ma sar l-iscreening meħtieġ. Dan hu każ ieħor skandaluż ta’ gideb u irresponsabbiltà, temm jgħid il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi qal li llum pajjiżna għandu prova ċara li għal dan il-Gvern il-gidba saret virtù. Jason Azzopardi fakkar li dan it-tip ta’ security clearance għandu jsir qabel ma jingħataw il-karigi u mhux wara. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, Jason Azzopardi staqsa x’jiġri għall-Gvern Laburista jekk wara li tingħata kariga bħal din, il-persuna tfalli mis-security clearance. Għaldaqstant, qal il-Kelliem għall-Intern, il-Gvern ta’ Muscat ta marka lil dawn il-persuni qabel ma kienu għamlu l-eżami u dan wassal biex inkisru l-obbligi li l-Gvern għandu mal-Unjoni Ewropea.

Jason Azzopardi sejjaħ dan l-aġir tal-Gvern Laburista bħala irresponsabbli għall-aħħar u li wassal għal gidba maħsuba. Dan il-Gvern m’għandu ebda mistħija u saħansitra jasal biex jigdeb fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni biex jaqdi lin-nies tal-qalba.  

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista

No comments: