27.3.14

Il-MEPA għal darb’oħra tapprova l-użu tal-heavy fuel oil.



Minkejja l-wegħda elettorali ta’ Joseph Muscat li jwaqqaf l-użu tal-heavy fuel oil fl-impjant il-ġdid ta’ Delimara u li jbiddel minnufih għall-użu tad-diesel, il-MEPA għadha kemm approvat l-estensjoni tal-permess biex l-impjant il-ġdid ta’ Delimara jkompli jitħaddem b’dan il-fjuwil sa Diċembru 2015. Din hija t-tieni darba f’sena li l-MEPA approvat l-estensjoni tal-heavy fuel oil.

Waqt is-seduta tal-MEPA, fuq mistoqsija mir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-Bord tal-MEPA Ryan Callus, is-CEO tal-Enemalta Frederick Azzopardi kkonferma li l-Enemalta m’għandhiex studji li juru li teżisti relazzjoni bejn l-emissjonijiet mill-power station u l-marda tal-kancer, kif kien ġie allegat mill-Prim Ministru Joseph Muscat b’mod qarrieqi fil-kampanja elettorali. Matul is-seduta tal-MEPA, reġa’ ġie kkonfermat għat-tieni darba li l-impjant opera skont l-ogħla standards Ewropej ta' emmissjonijiet. 

Dan ikompli jikxef kemm kien qarrieqi l-Prim Ministru Joseph Muscat qabel l-elezzjoni meta lagħab bl-imħuħ tan-nies u ddeskriva l-impjant il-ġdid f’Delimara bħala "fabbrika tal-kanċer". Dan juri wkoll kemm il-Prim Ministru Muscat kien lest jilgħab bil-biżgħat tan-nies sabiex jirbaħ il-voti. Wiegħed li se jwaqqaf b’mod immedjat l-użu tal-heavy fuel oil u jaqleb għad-diesel, iżda se jkun daħak bil-poplu Malti u Għawdxi għal minn tal-inqas sentejn u nofs bl-estensjoni li tat il-MEPA llum. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: