24.3.14

Il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta jirrifjuta li jiddiskuti l-kwistjoni tat-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.



Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għal-laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta li saret ilbieraħ filgħaxija. Għal din il-laqgħa, ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fil-Kunsill Konsultattiv talab liċ-Chairman Silvio Parnis biex ipoġġi fuq l-aġenda l-proġett tal-power station il-ġdida, li hu bbażat fuq id-deċiżjoni li l-gass jinħażen fuq tanker ankrat fil-port ta’ Marsaxlokk. Din id-deċiżjoni se tpoġġi riskju bla bżonn fuq ir-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa u fuq kull min jaqla’ l-għajxien tiegħu minn attività ekonomika madwar il-port. 

Hu għalhekk diżappuntanti ferm li waqt il-laqgħa tal-bieraħ filgħaxija, id-diskussjoni dwar it-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk twaqqfet ħesrem bl-iskuża li l-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta mhuwiex forum adattat biex jiddiskuti din il-materja. Dan minkejja li fl-ewwel laqgħa l-Ministru Leo Brincat kien għamilha ċara li l-Kunsill Konsultattiv għandu jaħdem mal-esperti biex jifforma opinjoni fuq issues li jaffettwaw lin-Nofsinhar ta’ Malta. Diffiċli wieħed jemmen kif il-Kunsill Konsultattiv jista’ jiġġustifika li l-akbar proġett fin-Nofsinhar ta’ Malta f’din il-leġiżlatura mhux issue li għandha titqajjem fi ħdanu, meta hu ffurmat preċiżament biex jiddiskuti tali issues

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-media ngħatat permess li tkun preżenti għal-laqgħa għall-ewwel ħames minuti biss, li fihom saret stqarrija ġenerika, u dan sar biss fuq l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista. 

Huwa ċar li l-Gvern ta’ Muscat mhux qed ikun serju u trasparenti fil-mod kif qed jittratta l-kwistjoni tat-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Id-deċiżjoni tal-Kunsill Konsultattiv li jinjora issue li qed tħasseb lir-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta tkompli tikkonferma kemm il-Prim Ministru Muscat qed iwebbes rasu dwar din il-kwistjoni u jrid jisma’ lilu nnifsu biss. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: