27.3.14

Il-Gvern qed jieħu qabża fid-dlam billi jibni power station mingħajr l-istudji meħtieġa.



L-għaġla tal-Gvern Laburista li jibni power station ġdida tal-gass fl-iqsar żmien possibbli minħabba kunsiderazzjonijiet politiċi fissret li l-MEPA lbieraħ ħadet deċiżjoni mingħajr ma sar ebda maritime impact assessment, integrated risk assessment u studji oħrajn li huma meħtieġa biex niżguraw li qed nieħdu l-aħjar deċiżjoni dwar it-tanker tal-gass ankrat f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk. Il-Prim Ministru għażel li jmur għal proposta li ġġib ir-riskji, minflok ikkunsidra serjament alternattivi oħra, fosthom il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li t-tanker tal-gass jitpoġġa ’l barra mill-bajja, għażla li kienet tfisser anqas riskju għar-residenti u l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma Parlamentari Mario de Marco f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għall-vot li ttieħed mill-Bord tal-MEPA li permezz tiegħu se tinbena power station ġdida u l-gass se jinħażen fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Dr Ann Fenech, il-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino u l-Kelliem għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Ryan Callus, li hu wkoll ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fil-Bord tal-MEPA.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jaqblu fuq il-ħsieb politiku li pajjiżna għandu jagħmel bidla għall-gass u saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jappoġġja lill-Gvern f’inizjattivi li jwasslu għal traħħis fil-kontijiet tad-dawl u ilma u stabbiltà fil-prezzijiet. Iżda dan qed iseħħ minkejja l-power station il-ġdida għaliex filwaqt li l-power station il-ġdida għadha fuq il-karta, żiedet l-effiċjenza u tnaqqsu l-prezzijiet għall-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-estensjoni tal-power station li nbniet fil-leġiżlatura preċedenti u permezz tal-interconnector li wasal biex jitlesta. 

Madankollu, qal Mario de Marco, l-Oppożizzjoni mhux qed taqbel mal-Gvern dwar l-aspett tal-ħażna tal-gass, deċiżjoni li qiegħda ssir b’mod mgħaġġel u mingħajr ma saru l-istudji kollha meħtieġa li jiżguraw li din hija l-aħjar deċiżjoni fl-interess tal-partijiet kollha konċernati. Mario de Marco tenna li din id-deċiżjoni turi biċ-ċar li l-Gvern mar għal deċiżjoni ta’ konvenjenza u mhux ta’ sigurtà waqt li fakkar li l-konsegwenzi ta’ din l-għażla jistgħu jkunu kbar. Ħadd m’għandu jilgħab bil-ħajja tan-nies. 

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fisser kif l-Oppożizzjoni ser tkompli taħdem biex tkun il-vuċi ta’ dawk milquta minn din id-deċiżjoni, fosthom ir-residenti u l-intrapriżi li hemm fl-akkwati. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista se jżomm il-possibilitajiet miftuħin dwar dan il-każ u appella biex il-Gvern jaġixxi fl-interess tar-residenti u mhux fl-interessi partiġjani tiegħu.

Il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Dr Ann Fenech esprimiet id-diżappunt tagħha li l-MEPA ħadet deċiżjoni dwar proġett maġġuri mingħajr ma sar maritime impact assessment. Agħar minn hekk, ingħatat informazzjoni skorretta waqt il-laqgħa tal-Bord tal-MEPA, fosthom li fil-port ta’ Marsaxlokk isiru madwar 2,800 movimenti ta’ vapuri, meta l-istatistika turi li jsiru minn tal-inqas 6,000 movimenti fis-sena. 

Ann Fenech qalet ukoll li waqt il-laqgħa tal-MEPA numru ta’ domandi ġew injorati, fosthom mill-espert imqabbad mill-Gvern George Papadakis, u dan għax ma sarx il-maritime impact assessment. Dr Fenech sostniet li għadu mhux magħruf x’tip ta’ protezzjoni se tkun qed tingħata lill-bastiment ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk meta jkun maltemp u riħ qawwi.

Il-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino qal li l-Gvern kien żbaljat meta qal li skarta l-proposta li l-gass jinħażen fuq Floating Storage and Regasification Unit barra l-bajja ta’ Marsaxlokk għax din hi teknoloġija ġdida u li jeżisti biss vapur wieħed fid-dinja. Il-verità hi li diġà jeżistu mal-11-il vapur ta’ dan it-tip madwar id-dinja filwaqt li hemm 40 tanker ieħor li qed jinbnew bħalissa għal proġetti simili. Għaldaqstant, tenna George Pullicino, dan kollu jikkonferma kemm id-deċiżjoni tal-Gvern hija bbażata fuq fatti ħżiena frott l-għaġla u l-interessi partiġjani tiegħu. Dawn l-interessi qegħdin jieħu preċedenza fuq l-interess għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti. 

George Pullicino fakkar kif il-maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-MEPA ma tawx każ dak li sostna l-espert tal-Gvern George Papadakis, li stqarr li jekk ikun hemm leakage tal-gass, tista’ tikkawża splużjoni devastanti. Dan kollu jkompli jagħti raġun lill-konsulent ta’ Din l-Art Ħelwa Hans Pasman, meta qal li dan il-periklu m’għandux jiġi ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk iżda għandu jinħareġ barra mill-port. 

Il-Kelliem għall-Ippjanar u rappreżentant tal-Oppożizzjoni fil-Bord tal-MEPA Ryan Callus qal li hu jinsab sorpriż li qabel ma bdiet il-laqgħa, iċ-Chairman tal-MEPA ħareġ ittra li bgħat il-Prim Ministru Joseph Muscat, li kienet tgħid li l-Gvern beħsiebu jibqa’ għaddej bil-proġett anke jekk ikun hemm appell. Ryan Callus qal li din l-ittra kienet intiża biex tikkundizzjona l-vot tal-membri. Dan hu każ ieħor ta’ indħil u imminar tal-istituzzjonijiet, xi ħaġa li qiegħda ssir l-ordni tal-ġurnata f’din il-leġiżlatura. 

Ryan Callus qal li hu sorpriż ukoll għall-fatt li l-MEPA naqset milli tikkritika l-fatt li ma sar l-ebda maritime impact assessment filwaqt li saħaq li ħareġ biċ-ċar li l-Environmental Impact Assessment ma studjax siti alternattivi. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: