27.3.14

Id-dover tal-kunsilliera huwa li dejjem jagħtu l-100% għar-residenti tagħhom.



Id-dover u d-dmir tal-kunsilliera lokali li jiġu fdati biex jirrappreżentaw lir-residenti ta’ kull lokalità hu li dejjem jiffokaw l-enerġija kollha tagħhom għall-ġid tar-residenti li jirrappreżentaw – hi x’inhi l-affiljazzjoni politika tagħhom. Hu b’dan il-mod li l-ħidma tal-Kunsilli Lokali tista’ verament issarraf f’rappreżentanza ġenwina u riżultati għar-residenti tal-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel dalgħodu fil-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann. Simon Busuttil kien milqugħ mis-Sindku Etienne Bonello DuPuis, il-Viċi Sindku David Dalli u mill-kunsilliera kollha tal-lokalità. Din iż-żjara hija waħda minn firxa twila ta’ żjarat li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jagħmel f’kull lokalità u li permezz tagħhom il-Partit Nazzjonalista qed jisma’ l-ħtiġijiet partikolari ta’ kull lokalità, inkluż l-isfidi u l-opportunitajiet li għandha kull komunità differenti madwar Malta u Għawdex.

Waqt iż-żjara, is-Sindku tal-lokalità esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Gvern skarta l-proġett tal-bini ta’ ċentru ċiviku u ġnien ġdid fiċ-ċentru tal-lokalità. Hu sostna li l-Kunsill Lokali u r-residenti huma diżappuntati ferm li l-Gvern ma żammx il-wegħda tiegħu li jsib bini ieħor adegwat biex iservi ta’ kwartieri għall-Kunsill Lokali. Dan huwa urġenti meta wieħed iqis li ftit xhur ilu ċeda parti mis-saqaf tal-Kunsill Lokali. Hu lmenta wkoll dwar it-tnaqqis fil-fondi allokati għall-Kunsilli Lokali. Dan it-tnaqqis sar mill-Gvern Laburista minkejja li qed jiżdiedu r-responsabbiltajiet tal-Kunsilli Lokali. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb dwar il-mod kif il-Gvern qed jabbanduna lill-Kunsilli Lokali. Minkejja l-wegħdiet elettorali tiegħu li jagħti prijorità lill-Kunsilli Lokali, Gvern Laburista abbanduna għalkollox proġett li permezz tiegħu l-bini fiċ-ċentru tal-lokalità li bħalissa jservi bħala klabb tal-boċċi kellu jiġi konvertit f’ċentru ċiviku li minnu jingħataw is-servizzi kollha għar-residenti fil-qalba tal-lokalità filwaqt li l-klabb tal-boċċi jiġi rilokat f’post ieħor fl-istess lokalità. Dr Busuttil sostna li l-Gvern għandu juri appoġġ lill-Kunsilli Lokali bil-fatti u mhux bil-kliem biss, billi jagħtihom l-għajnuna u r-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jservu l-funzjonijiet tagħhom b’mod effettiv u b’riżultati xierqa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil kien akkumpanjat għal-laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann mill-Whip tal-Grupp Parlamentari u Kelliem għall-Gvern Lokali David Agius, kif ukoll mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norman Vella, Therese Comodini Cachia u Kevin Plumpton.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: