27.3.14

Anzjani f’kura residenzjali issa jistgħu jivvutaw fid-djar tal-anzjani stess.



L-anzjani li huma residenti fi djar residenzjali tal-anzjani li fihom joqogħdu aktar minn 50 resident issa se jkunu jistgħu jivvutaw ġewwa d-dar tal-anzjani tagħhom stess minflok jiġi trasportati sal-postijiet tal-votazzjoni. Dan bil-għan li l-anzjani li qegħdin f’kura residenzjali jkunu jistgħu jivvutaw b’dinjità u mingħajr tbatija żejda li tista’ tħalli impatt negattiv fuq saħħithom. 

Din il-miżura ġdida qiegħda ssir bis-saħħa ta’ emenda mressqa mill-Oppożizzjoni fil-Kumitat dwar il-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet tal-Parlament li ltaqa’ lbieraħ stess biex jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta u Diversi Liġijiet dwar l-Elezzjonijiet. L-abbozz oriġinali kif ippreżentat mill-Gvern ma kienx jinkludi dan id-dritt, u kien jgħid biss li l-votazzjoni tal-anzjani fl-elezzjonijiet Ġenerali u tal-Parlament Ewropew għandha ssir is-Sibt ta’ qabel il-jum tal-votazzjoni mingħajr l-obbligu li l-votazzjoni ssir fid-djar residenzjali tal-anzjani stess. 

L-emenda mressqa mill-Oppożizzjoni tfisser li issa mal-2,400 anzjan u anzjana f’aktar minn 24 dar residenzjali tal-anzjani se jkunu jistgħu jivvutaw fid-dar tal-anzjani li fiha huma residenti. B’hekk jitnaqqas l-inkonvenjent, it-tbatija u n-nuqqas ta’ dinjità li sal-lum kienu sinonimi mal-votazzjoni għall-anzjani fi djar residenzjali dakinhar tal-votazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jipproponi aktar emendi sabiex id-dritt tal-votazzjoni jkun wieħed li jista’ jiġi eżerċitat bl-aktar faċilità mill-votanti kollha.   

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments: