24.3.14

Aktar każijiet ta’ manipulazzjoni u żbilanċ mill-PBS.



Il-Partit Nazzjonalista llum ressaq żewġ ilmenti ġodda lill-PBS. L-ewwel ilment hu dwar il-programm Dissett li xxandar ilbieraħ, liema programm ittratta l-proposta tal-Gvern Laburista li jinħażen il-gass għall-power station il-ġdida fuq tanker ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Minkejja li dan hu suġġett li dwaru kien u għad hawn kontroversja politika, il-programm Dissett għażel li jistieden żewġ kelliema li kienu favur li l-gass jinħażen fil-bajja ta’ Marsaxlokk u kelliem wieħed li tkellem kontra din il-proposta. Hu ċar li l-panel ġie magħżul bil-għan li jmexxi ’l quddiem l-aġenda tal-Gvern, ftit ġranet qabel żewġ attivitajiet politiċi miż-żewġ partiti politiċi u deċiżjoni li se tittieħed mill-MEPA dwar il-proġett nhar it-Tnejn.

It-tieni lment li sar hu dwar żewġ servizzi li dehru fl-aħbarijiet tal-bieraħ il-Ħamis, 20 ta’ Marzu. L-ewwel servizz kien dwar konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi u li fih tkellem dwar ir-rifużjoni tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Filwaqt li l-PBS għamel servizz estensiv dwar din il-konferenza tal-aħbarijiet, naqas milli jirrapporta stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Partit Nazzjonalista dwar l-istess suġġett. It-tieni servizz li dwaru tressaq ilment hu r-rapport li sar dwar il-programm Dissett li xxandar ilbieraħ stess. Dan is-servizz kien magħmul b’tali mod biex jibni l-immaġni li l-maġġoranza ta’ esperti huma favur l-argument li l-gass jinħażen fil-bajja ta’ Marsaxlokk u biex jipprova jirredikola lil min qiegħed jitkellem kontra din id-deċiżjoni. Dawn huma żewġ każijiet oħra ta’ manipulazzjoni tal-aħbarijiet. 



--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments: