9.10.13

Il-punt huwa wieħed

1.                   Il-Parlament din il-ġimgħa reġa’ beda jiltaqa’.  Il-Gvern kien ħa d-deċiżjoni li jaġġorna għal żmien twil u ma ħax ħsieb li jżomm kuntatt mal-Oppożizzjoni fuq dak kollu li kien għaddej.  F’ħafna sens, qata’ lilu nnifsu f’dinja oħra.  Iddeċieda li jagħti każ dak li jrid u jidfen, idawwar wiċċu għal dak li ma jridx jisma’ bih.  Kif jgħidu: “Tardare si, scappare no”.  Għalhekk, dak li ilu jinħarab minnu l-Prim Ministru, din il-ġimgħa beda jilħqu u jkollu jaffrontah.

2.                   Ngħid dan kollu għax ma jistax jibqa’ jaħrab milli jagħti spjegazzjonijiet ċari li kull min imexxi pajjiż f’soċjetà demokratika huwa mistenni li jagħti.  Il-poplu għandu dritt għall-verità ladarba, fortunatament, m’għandniex sistema politika bażata fuq id-dittatorjat.  Il-pajjiż, bid-demokrazija, jirbaħ.  Mingħajr demokrazija, jitlifha.  Dik hija d-differenza li għandna dmir infakkru lil min issa qiegħed imexxi dawn il-gżejjer.

3.                   Hemm bżonn spjegazzjoni ċara fuq diversi punti, bħal kif mara ta’ Ministru tinħatar ambaxxatur, jew kif persuni fl-Armata jitneħħew u oħrajn jitilgħu malajr malajr is-sellum, jew kif deċiżjoni fuq jekk hemmx lok ta’ proċeduri kriminali tinbidel ta’ taħt fuq.  Din il-ġimgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil mexxa din il-linja ‘l quddiem bid-determinazzjoni tipika u diretta tiegħu.  Il-Prim Ministru, flok mexa ‘l quddiem sabiex iwieġeb għal dak li l-pajjiż qiegħed jitlob minnu li jwieġeb, minflok ħarab minnu.

4.                   Ħarab billi qajjem każ ta’ ksur ta’  privileġġ meta anqas messu qajmu.  Id-difiża tiegħu, flok kienet li toħroġ u tingħad il-verità, ħarab minnha.  Il-kliem tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma jikkostitwux ksur tar-regolamenti tal-Kamra.  Kienu korretti u ndirizzati biex il-Gvern iwieġeb fuq dak li ilu jiġi mistoqsi mill-poplu fit-toroq tagħna.  Qed tintalab spjegazzjoni ċara, trasparenti, li għandna dritt għaliha.

5.                   Għalhekk, kellha raġun l-Oppożizzjoni tkun wara l-Kap tagħha u timmarka l-punt billi toħroġ barra mill-Kamra.  Dan huwa dritt tal-membri tal-Oppożizzjoni u huwa demokratiku.  Id-deċiżjoni tas-Sedja li hemm każ ta’ ksur ta’ privileġġ kellha u għandha tiġi kontestata.  Għax il-punt m’huwiex wieħed proċedurali jew ta’ xi affront, imma ta’ sejħa sabiex tiġi stabbilita l-verità.  Ma nħawdux l-affarijiet.

6.                   Il-pajjiż ilu issa għal dawn l-aħħar xhur jistaqsi kif, għax inbidel il-Kummissarju tal-Pulizija, allura nbidlet deċiżjoni.  Ġie stabbilit fil-Qrati tagħna, bil-ġurament, li l-Kummissarju kien ser jipproċedi wara li kien hemm qbil mal-Avukat Ġenerali.  Dan waħdu reġa’ żied fis-suspetti li hawn.  Dawk li l-bidla tal-Kummissarju saret għal raġuni.  Dan jista’ jkun mhux minnu, imma l-poplu qiegħed jistaqsi: kif inhi din li l-Avukat Ġenerali ta l-istess parir lil żewġ Kummissarji b’wieħed iddeċieda li hemm każ, u l-ieħor, wara ftit jiem li nħatar, iddeċieda li ma hemmx?

7.                   Dan huwa l-punt li l-Gvern, il-Prim Ministru, għandu dmir li jwieġeb u jiċċara.  Mhix kwistjoni ta’ privileġġi jew oltraġġi jew insulti personali jew malafami.  Hija biss waħda ta’ verità.  Din il-ġimgħa kompliet tkabbar dak li qiegħed jaħrab minnha l-Gvern.  Iktar ma jaħrab minnha, iktar ħa tikber u iktar ser tixħet lura l-kredenzjali tad-dritt f’dan il-pajjiż.  L-Oppożizzjoni ser tibqa’ tagħmel dmirha, titlob spjegazzjoni ċara u tonda fuq naħa, u fuq in-naħa l-oħra tibqa’ tagħmel dmirha: titlob spjegazzjoni ċara u tonda, u fuq in-naħa l-oħra tibqa’ tuża l-istrumenti demokratiċi biex il-Prim Ministru jifhem li din irid jaffrontaha.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...