18.8.13

Tibdiliet fl-Italja



1.                  L-aħħar elezzjoni ġenerali fil-pajjiż ġar tagħna biddlet sew ix-xenarju politiku.  L-eżitu tar-riżultat wassal għal sitwazzjoni interessanti.  Ebda wieħed mill-partiti l-kbar u li kien hemm qabel ma seta’ jifforma gvern waħdu.  Mhux biss, imma l-kumplikazzjonijiet żdiedu bil-preżenza ta’ partit ta’ protesta msejjaħ “tal-Ħames Stilel” immexxi minn Beppe Grillo.  Għal perjodu, bl-intransiġenza ġejja minn diversi kurrenti, weħel kollox.  Gvern ma ġiex iffurmat, u anqas qbil fuq President tar-Repubblika ġdid ma seta’ jinstab, b’manuvri kontra manuvri.  Biss, din is-sitwazzjoni ġiebet partiti li ma kienux jitkellmu kif kellhom sabiex jibdlu sew il-pożizzjoni tagħhom u jindunaw li ma setgħux jibqgħu għaddejjin kif kienu.

2.                  Dan kollu wassal għal żewġ deċiżjonijiet strambi u kompletament differentif’dak li ilna naraw f’dawn l-aħħar għoxrin sena f’dan il-pajjiż viċin ħafna tagħna.  L-ewwel, għall-ewwel darba l-Partit Demokratiku u l-Partit ta’ Berlusconi (PDL) qablu li jerġgħu jaħtru mill-ġdid lill-President tar-Repubblika li kellhom qabel, Giorgio Napoletano.  Napoletano, li kelli x-xorti li nakkumpanjah meta ġie f’pajjiżna fl-aħħar leġislatura, ġej oriġinarjament minn ħdan dak li kien il-Partit Komunista.  L-esperjenza politika li ġabar tul is-snin servietu tajjeb fl-aħħar snin.  Bena rapport tajjeb ma’ kull naħa u llum huwa l-uniku President li ntagħżel darbtejn in fila.

3.                  It-tieni deċiżjoni li żgur li hija konsegwenza tal-ewwel kienet dik li tibni gvern bażat fuq l-appoġġ taż-żewġ partiti li semmejt.  Fl-aħħar jiem, kien hemm l-għarfien politiku ċar li jekk ma jiħdux ir-responsabbiltà tal-gvern f’daqqa u jieħdu d-deċiżjonijiet li ilhom jistennew li jiġu meħuda, allura l-konsegwenzi għall-Italja u għalihom kienu ser ikunu iktar koroh.  Il-logħob li ilu jsir, l-intransiġenza u t-telf fl-attenzjoni fil-kwistjonijiet personali li daħal jew daħħluh fihom Silvio Berlusconi kienu qed inaqqsu mill-kredibilità politika u ekonomika tal-pajjiż kollu.  Il-ġlied kontinwu fil-Partit Demokratiku fuq in-naħa l-oħra kien qiegħed iwassal għal nuqqas ta’ tmexxija u direzzjoni ċara.  Għalhekk, għalkemm kien żgur diffiċli sitt xhur ilu, l-eventi żviluppaw b’mod u manjiera li kien hemm għarfien li trid issir koalizzjoni biex jiġi ffurmat gvern.

4.                  Il-formula ma kien faċli xejn biex tinstab.  Biss, u dan żgur huwa mertu tal-ħsieb u l-maturità tal-politika t-tajba f’dak il-pajjiż, intagħżlu Enrico Letta u Angelino  Alfano sabiex imexxu ‘l quddiem dan il-gvern kompletament ġdid u verament neċessarju.  Jirrappreżentaw l-aħjar taż-żewġ naħat u t-tnejn huma ffurmati fi ħdan id-demokrazija kristjana.  Sija Alfano, kif ukoll Letta ġejjin mill-formazzjoni politika ta’ De Gasperi, Sturzo, Moro, Fanfani u tant oħrajn.  It-tnejn jaqblu fuq diversi prinċipji politiċi u, f’ħafna sens, jirrappreżentaw il-kurrenti ta’ dak il-partit f’ċentru xellug u ċentru lemin, però t-tnejn huma fiċ-ċentru.  Il-programm politiku tagħhom jidher mill-ewwel li huwa wieħed tajjeb u ser jerġa’ jċaqlaq ‘il quddiem sabiex iġib progress u avvanz.

5.                  F’ħafna sens inqata’ barra l-logħob politiku bla sens mill-gvern.  Mhux biss, imma issa bdew jew jittieħdu jew jiġu implimentati passi li kienu ilhom ċertu snin jistennew fuq l-ixkaffa biex jidħlu fis-seħħ.  Fi ftit xhur diġà beda jinħass l-impatt fl-ekonomija tal-pajjiż ta’ dawn id-deċiżjonijiet.  Hemm issa magna li kapaċi tieħu d-deċiżjonijiet u tassigura li dawn jiġu implimentati.  Dan ser jibdel ix-xenarju għalina wkoll.  Jekk l-Italja terġa’ tieħu r-ruħ ser ikollna numru ta’ impatti fuqna.  Ekonomikament tagħtina lura, però jista’ jkun li tnaqqsilna mill-vantaġġi li aħna preżentement għandna fuq numru ta’ setturi, iktar u iktar bl-għarfien li aħna għandna Gvern li għadu jrid jifhem għalxiex daħal.

6.                  Hemm żgur stabilità u rebħa tal-użu tar-raġuni.  Jekk nieħdu biss is-settur tal-immigrazzjoni nifhmu kemm l-affarijiet inbidlu ta’ taħt fuq.  Li kelli lil Angelino Alfano, li ħdmit tajjeb ħafna miegħu fis-setturi tal-Ġustizzja u l-Intern ukoll, kieku konna nsolvu kwantità ta’ problemi li qabel ma stajtx.  Hemm bidla sħiħa fl-attitudni ta’ dan il-gvern minn dak li kien hemm qabel.  Minn wieħed li jrid jogħġob partit li kien intolleranti, issa għandek wieħed li għandu Ministru għall-Integrazzjoni li hija Cecile Kyenge, b’demm Taljan u Kongoliż.  L-attitudni rajniha tinbidel sew.  Dan kollu qiegħed jimbotta għall-avvanzi u użu aqwa tar-raġuni.  Dawn il-bidliet Taljani jagħmlu l-ġid lilhom, però jitolbu aktar attenzjoni u maturità mill-klassi politika Maltija.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...