4.8.13

Sejrin lejn kriżijiet ġodda?



1.                  Għaddejna sentejn minn xenarju iebes ħafna.  Kriżijiet ekonomiċi fuqna u taqlib politiku taħtna.  Ftit kienu jimmaġinaw li dan kien ser jiġri, però ġara.  Għaddejna minnu u rnexxielna nżommu ‘l-pajjiżna jiżviluppa, jikber u jżomm il-bażi ekonomika tiegħu soda.  Fit-taqlib li kellu ħaddieħor, aħna bqajna stabbli.  Għamilna diversi sagrifiċċji u għaż-żmien li għadda pajjiżna baqa’ hemm.  Biss, issa fil-Mediterran qegħdin jiżviluppaw sitwazzjonijiet kompletament ġodda li jista’ jkun li jerġgħu jolqtuna, bid-differenza fundamentali li issa ma hemmx l-istess Prim Ministru jmexxina.

2.                  It-Tuneżija, l-Eġittu, it-tnejn fi gradi preżenti differenti, sejrin lejn konflitti soċjali qawwija.  Għad ma hemmx paċi u stabilità demokratika li bihom tista’ terġa’ tikber l-ekonomija u s-soċjetà tavvanza.  Fix-xhur li għaddew u dawk li ġejjin jidher li hemm kumplikazzjonijiet li m’aħniex neċessarjament napprezzaw l-effetti negattivi tagħhom.  Fiż-żewġ stati importanti taħtna hemm qasmiet politiċi u soċjali li jistgħu jeskalaw.  Sa fejn u fuq liema livelli smajna ħafna tbassir, biss x’effettivament ser iseħħ jiġi, bit-tajjeb u l-ħażin, ma’ wiċċna.  Dan ser ikun żgur bank ta’ prova qawwi għal din l-amministrazzjoni ġdida li għadha ma fehmitx ħidmietha u moħħha biex tibqa’ oppożizzjoni, avolja qegħda fil-Gvern.

3.                  Dak li qiegħed iseħħ fis-Sirja, bil-konflitt militari li għaddej bil-kumplikazzjonijiet marbuta issa mad-dikjarazzjoni Ewropea li l-Hizbollah huma organizzazzjoni terroristika, kif ukoll bl-elezzjoni Presidenzjali fl-Iran huma wkoll tastieri importanti li jistgħu, f’ħakka t’għajn, jiġbdu ferm iktar milli qed naħsbu.  Iqabbdu nirien ikbar milli qed naraw b’distabilizzazzjoni iktar fonda f’dik ir-rokna determinanti tal-baħar komuni.  Il-linji varji ta’ alleanzi u pożizzjonijiet idaħħlu fin-nofs it-Turkija, l-Iraq u l-Iżrael.  Il-kriżi hemm, flok tidher li għandha possibilità viċina ta’ żblokk, sejra ma’ kull ġurnata fi triqat opposti.

4.                  Anke jekk dan waħdu huwa żgur biżżejjed, għandna issa żewġ stati oħra membri bħalna fl-Unjoni Ewropea li fihom qed naraw li t-temp qiegħed iberraq.  Spanja sabet ruħha f’din il-pożizzjoni politika b’mod qawwi din il-ġimgħa.  L-allegazzjonijiet li qed isiru kontra l-Prim Ministru attwali Mariano Rajoy li kien involut f’attivitajiet ta’ korruzzjoni qed inawwru mill-fiduċja u kredibilità neċessarja sabiex wieħed imexxi pajjiż li għandu sitwazzjoni ekonomika xejn faċli xi jmexxi.  Id-dikjarazzjonijiet tiegħu fil-Parlament Spanjol, bl-attakki tal-oppożizzjoni, flok għalqu l-kwistjoni, jidher li iktar ser jifthuha.  Dan jista’ jwassal għal elezzjoni ġenerali fi ftit żmien, b’iktar kumplikazzjonijiet ekonomiċi u politiċi.

5.                  L-istess, b’impatt iktar dirett u immedjat, għandna issa l-kriżi fil-pożizzjoni politika Taljana.  Il-gvern preżenti mmexxi minn Enrico Letta bħala Prim Ministru li ġej mill-Partit Demokratiku fiċ-ċentru xellug u tal-Viċi Prim Ministru Angelino Alfano tal-PDL kien qiegħed iwettaq avvanzi kbar.  Fi ftit xhur rajt diversi deċiżjonijiet jittieħdu li, fuq diversi punti, laħqu ma’ dak li diġa’  kellna vantaġġ fuqhom.  It-tisħiħ tal-medjazzjoni bħala mekkaniżmu ġudizzjarju, it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ ulied imwielda barra miż-żwieġ, artikoli kontra l-omofobija ġejjin għad-dawl.  Hemm bnedmin ġodda, kapaċi li qed jibdew iwettqu dak li ma seħħx qabel.  Biss il-kundanna kontra Silvio Berlusconi, ukoll din il-ġimgħa, ikkumplikat il-ħajja tal-gvern.
6.         X’ser jiġri ħadd ma jaf, però jidher li s-sentenza ta’ ħtija fil-konfront tiegħu fetħet xenarji li minnhom l-Italja tista’ terġa’ tmur għall-elezzjoni ġenerali li minnha jirbħu dawk li mhumiex kapaċi jagħtu stabilità lill-pajjiż.  Minn dak li qed nara, dejjem jekk ma jkunx hemm maħfriet presidenzjali, ser ikollna x-xhur li ġejjin b’pajjiż iktar maqsum u iktar instabbli ekonomikament u soċjalment.  Hu x’inhu, m’hemmx dubju li huwa fl-interess tagħna li fil-Mediterran ikun hawn il-paċi u l-istabilità.  Ftit nistgħu nagħmlu biex inżommu din il-mewġa ġdida ta’ kriżijiet qawwija.  Nistgħu biss nippreparaw rwieħna għal dak li ġej fuqna.  Kemm dan il-Gvern huwa kapaċi għal dan l-impatt, il-futur jista’ jgħidilna.  Li nistgħu ngħidu huwa li fuq il-preżent u l-passat reċenti, ftit nistgħu norbtu kusna fuqu.



No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...