25.8.13

Fiduċja pubblika



1.                  Kull min qiegħed fil-politika u jservi fl-istituzzjonijiet demokratiċi jaf li tibdiliet, avvanzi u riformi jistgħu jsiru għax ikun hemm appoġġ popolari għalihom.  It-toroq illum jidhru li jridu jinbnew iktar fuq il-linji partikolari ta’ dak li d-dizzjunarju Ingliż jirreferi għalihom bħala “policies” iktar milli fuq dak li nifhmu aħjar bħala “ideologies”.  Il-qabża fil-kwalità hija marbuta ma’ kemm min qiegħed iservi jifhem li kull forma ta’ linja politika titwieled tajjeb jew ħażin skont dak li hija bażata fuqu.  Il-ħsieb ideoloġiku ta’ ħidma huwa preżenti dejjem direttament jew indirettament.

2.                  Dak li twettaq, l-azzjoni politika, hi liema waħda hi, anke jekk tiddikjara li m’għandekx ideoloġija politika, jieħdok lura lejn prinċipju jew ieħor.  Trid tara inti fejn trid tmur, jekk intix lest li tbigħ lilek innifsek għall-poter jew, agħar, togħġob lil min għandu l-poter f’idejh.  Twettaq xi twettaq u għal min twettqu, xorta għandu ġewwa fih prinċipju etiku li jieħdok naħa jew oħra.  Jew tibbaż ħidmietek fuq il-materjaliżmu storiku jew mhux, inkella tmur lejn dak li verament jagħmel il-ġid lill-bniedem.  L-esperjenza politika turi dejjem iktar li meta min jaħdem fiha jinjora l-valuri fundamentali tal-ħajja jiżbalja.

3.                  Dawn huma prinċipji li jgħoddu għal kull min ikollu s-setgħa f’idejh f’dawn il-gżejjer jew madwar id-dinja.  Hemm diversi li jridu jinjorawhom u jaħsbu jew li huma iktar kapaċi minn oħrajn, jew li dak li jgħodd għall-oħrajn ma jgħoddx għalihom.  L-isfortuna hija li b’dak li jwettqu ma jġibux il-ġid imma l-ħsara.  Ma jkunux qed jarawha mill-ewwel għax sfortuna ikbar dawn isibu, ħafna drabi, lil dawk li jkunu mitlufa bħalhom u għal dak li huwa ħażin, flok jiċċensurawh, jinċensawh.  Fil-politika jrid ikollok boxxla interna soda sabiex tara fejn trid tmur u ma titħalliex tiċċaqlaq naħa jew oħra skont il-kurrent tar-riħ jew iċ-ċapċip tan-nies.

4.                  Ħafna ma jaqrawx, oħrajn jinjoraw lezzjonijiet politiċi passati.  Jgħattu wiċċhom għall-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra u tagħna wkoll.  Is-sistema demokratika llum, jekk trid titħaddem tajjeb trid li jkollha lil min jifhem dan u jorbot ruħu li jkun onest u marbut dejjem mal-verità.  Meta min jaħtar jaħseb li jaqbillu li flok ikollu ħdejh lil min huwa rett u onest, imur għal min jagħmel dak li jaqbel lilu, allura s-sogru jikber ferm iktar.  Il-pajjiż tagħna, biex jimxi ‘l quddiem irid bnedmin, uffiċjali f’karigi importanti li huma marbuta: l-ewwel, li jgħidu l-verità lill-poplu u mhux ikunu lesti li jaħbu għax mingħalihom ser iservu lil min ħatarhom billi jgħidu dak li mhux minnu.

5.                  Il-każ ta’ dan il-ġuvnott li sab ruħu akkużat inġustament, flok ġie affrontat bi trasparenza, onestà u ċarezza, ġie minflok ikkumplikat proprju mill-persuni li flok stqarrew il-verità marru għall-istint żbaljat li jaħbu.  Kull ma jrid u għandu dritt għalih il-poplu huwa dak li jingħadlu bil-preċiż x’ġara, xejn iktar u xejn inqas.  Minflok, qiegħed jiġi konfrontat b’logħob medjatiku.  U hawn, flok il-poplu jżomm il-fiduċja u l-kredibilità, qiegħed ikompli jitlifha.  Għamel sew l-Onorevoli Jason Azzopardi li nsista u għadu jinsisti għall-verità.  Huwa qiegħed jitkellem mhux f’ismu personali, iżda għan-nom tal-Oppożizzjoni kollha, sabiex nagħtu servizz lill-poplu li l-maġġoranza tiegħu trid l-onestà u r-rettitudni fil-konfront ta’ min ġie akkużat inġustament f’dan il-każ u kontra min, minn dak li qed naraw, jista’ jsib ruħu fl-istess ċirkostanzi għada pitgħada.

 6.      F’dawn il-jiem ta’ din it-trama, il-poplu kompla jitlef il-fiduċja f’min huwa mgħobbi bid-dmir li jmexxi ‘l quddiem dawn l-istituzzjonijiet demokratiċi.  Telf li ġe minn dak li qed naraw: l-ewwel, fl-għażla inadegwata ta’ bnedmin f’siġġijiet tal-poter; u t-tieni, fid-deċiżjonijiet li qed jiġu meħuda.  Il-pajjiż ngħid li qiegħed jaħrab minn kull ma huwa politiku.  Ma jridx jisma’ dak li għaddej u wisq u wisq inqas irid jaċċetta l-inevitabilità tal-effetti ħżiena li qed ikollna fuq il-ħajja tagħna lkoll.  Tant nies daħlu fil-ħolma li permezz ta’ bidla fil-Gvern ser naqbżu ‘l quddiem li qed isibuha diffiċli ħafna li jqumu f’dak li qed jaraw li hija qabża waħda u tajba lura.  Il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet bdiet titnaqqar u dan, filwaqt li jinkwetana, fl-istess ħin jixprunana biex naħdmu ‘l quddiem favur is-sewwa, li hija l-politika tagħna.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...