18.6.13

Servizz għas-sewwa




1.            Ilni nikteb għal din il-gazzetta snin twal.  Minn meta kont dħalt fl-MŻPN kont bdejt ngħaddi l-kontributi regolari tiegħi.  Mhux kull artikou li ktibt tul dawn is-snin kien tal-istess livell, imma kont inħossni komdu li dak li qiegħed ngħid kien ser jiġi apprezzat mill-editur.  Il-ħajja qabel kienet iktar kumplikata.  Tikteb, u l-artiklu tieħdu inti direttament mentri llum, bil-mezzi teknoloġiċi, sar ferm iktar faċli.  Kull qabża saret flimkien mal-editur.  L-ewwel ma’ Michael Schiavone u wara ma’ Victor Camilleri.  It-tnejn għandi kliem ta’ tifħir għalihom.  L-impenn, is-sagrifiċċju, l-analiżi politika tagħhom, ir-responsabbiltà kbira f’dak li jidher u li jingħad sawru fija eżempji ta bnedmin tal-affari tagħhom.  Ta’ rġiel onesti u determinati li jkunu strumenti għas-sewwa.

 

2.            F’dawn l-aħħar ġimgħat, ix-xettru tal-gazzetta għadda minn idejn Victor għal dawk ta’ Roderick.  Inqast, nammetti, li ma kontx pront li ktibt sabiex ngħaddi ftit riflessjonijiet fuq ħidmet Victor Camilleri fil-mument preċiż, imma l-aġenda politika tal-partit ma tantx kienet tippermetti.  Anzi, bqajt nikteb bil-ħsieb li qiegħed nibgħatu lill-moħħ analitiku u ċar tiegħu, anke jekk ma kienx għadu qiegħed hemm.  Issa però għadda żmien biżżejjed sabiex nirreġistra f’rasi x’seħħ u, fl-istess ħin, nikteb żewġ linji qosra dwaru.  Lil Victor kont diġà nafu qabel dħalt f’ “il-mument” għax kien jieħu ħsieb “In-Nazzjon” u kont nikteb hemm ukoll, mhux regolarment imma skont dak li l-mużi kienu jispirawni għalih.

 

3.            Kien jieħu, anke dak iż-żmien, paċenzja bija.  Għax l-Editur it-tajjeb irid jikkoltiva, iktar minn oħrajn, il-virtù tal-paċenzja mal-ħaddiema kollha, speċjalment ma’ dawk li jiktbulu.  Mhux dejjem kont inżomm il-ħin destinat għalija, imma fis-sabar tiegħu, bnejna rapport ta’ ħidma li ftit kelli bħalu.  F’dawn is-snin fil-politika qattajt ħafna mis-Sibtijiet filgħodu tiegħi, (bħal dan) nikteb u nibgħat il-kitbiet politiċi tiegħi sabiex, kemm jista’ jkun, inkun qed ngħaddi dak li kien attwali.  Dak li qiegħed iseħħ fl-aħħar tal-ġimgħa u mhux ġimgħatejn qabel.  Żammejt il-pinna tiegħi għas-servizz tas-sewwa mertu tal-ispazju li huwa ħass li għandu dejjem jagħtini.  Drajtu, u naħseb li kien drani sew.  Kien jaf li jista’ jiddependi minni, bħal ma kont niddependi minnu jien.  Konna, u għadna nifhmu lil xulxin malajr.

 

4.            Bnejt miegħu rabta ta’ ħbiberija li żammet rabta ta’ rispett reċiproku.  Kien kapaċi jifhem x’qiegħed ngħid, u għal min qiegħed ngħidu, ferm iktar malajr minn ħaddieħor.  Kien sabiħ ħafna taħdem miegħu.  Mhux l-ewwel darba li, matul il-ġimgħa, kont ngħaddi ħdejh biex naqsu l-ideat ta’ dak li kien għaddej.  Kien jistaqsini numru ta’ domandi li kien juri li l-affarijiet ma tantx kienu jaqbżulu.  Kien editur tajjeb ħafna.  Il-ħaddiema tiegħu kienu jħobbuh u jaħdmu miegħu katina, għalkemm xi drabi kien ikun hemm dik id-disputa semi-akkademika ta’ kif tikteb kelma jew kif għandek tesprimi ħsieb.  Kellu wkoll ċertu ndħil, li kien ikun kontra dak li jħoss verament f’qalbu.  Dan kont nifhmu u t-tnejn konna naċċettawh, anek jekk ma konniex ngħiduh lil xulxin.

 

5.            Victor kellu l-kunfidenza jċempilli u jgħidli: “Għada iktibli fuq it-tali suġġett”.  Ħafna drabi kont inkun diġà ddeċidejt f’rasi li nikteb fuq dik il-linja, imma kien hemm mumenti oħrajn meta t-talba tigħu kienet tagħmel iktar sens minn dak li kont fassalt f’rasi li nikteb.  Bqajt nikteb għal dawn is-snin kollha proprju minħabba din ir-rabta.  Għax diversi kienu jgħiduli, matul il-ġimgħa, li qraw dak li ktibt u għalija dak kien ir-rapport ta’ politika ta’ vera.  Il-politika mhux tal-ħmerijiet, imma tad-dibattitu u analiżi ta’ vera ta’ dak li jkun għaddej u ta’ dak li jkun ġej.  Fuq dan, Victor kellu dejjem il-melħ neċessarju għal kull editur: li dak li jinkiteb tajjeb jagħtih importanza.  Artiklu, biex jinqara, trid trid tħalli f’idejn l-editur.  Fil-verità, inti tikteb, tqegħdu għad-disposizzjoni tiegħu, u wara, jara hu.

 

6.            Kellu esperjenza twila.  Jiftakar il-mexxejja tal-partit u jafhom tajjeb.  Ħadem viċin ma’ diversi fil-laqgħat li kienu jsiru miegħu.  I-moħħ li din il-gazzetta kellha għad-dispożizzjoni tagħha kien arkivju ta’ informazzjoni, ideat li iżda kellu dejjem l-umiltà li jerġa’ jitkellem ma’ dak li jkun biex ikun ċert doppjament li huma tajbin.  Is-servizz twil li ta, ftit mill-qarrejja jafu bih.  Ftit jafu kemm qatta’ żmien u kemm rari ħafna kien ikun imsiefer jew mar għal xi mistrieħ.  Kien dedikatissimu u, tmur meta tmur l-Istamperija, kont taf li ser issibu wara dik l-iskrivanija jistenna, jaħseb, jikteb u jisma’.  Il-partit tilfu u għalkemm, m’għandix dubju, li qalbu hemm għadha, irnexxielu almenu jieħu lura l-ħajja normali tiegħu.  Ċert li, ma kull ġurnata li tgħaddi, jista’  jdur lura u jkollu s-sodisfazzjon li għamel snin twal jaħdemf is-servizz tas-sewwa.

 

 

 


 

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...