29.6.13

Reazzjonijiet reazzjonarji


1.         Bdejna u komplejna ġimgħa fejn il-Prim Ministru ddeċieda li jinżel fil-kamp tal-battalja u jidħol dritt dritt għall-kampanja medjatika.  F’ħafna, din kienet ripetizzjoni ta’ dak li seħħ tul in-numru ta’ snin li għaddew.  Drajnih mingħajr ma ċekkinnih.  Il-persentaġġi tal-opinjoni juru mod, u allura jrid jidħol sabiex jibdew juru mod ieħor.  F’ħafna drabi, mertu tiegħu, rnexxielu.  Wassal messaġġ b’ripetizzjonijiet ripetuti tal-istess punti magħmula fi programmi differenti.  Kuljum, kull filgħaxija sibnih jidher iwieġeb għal domandi differenti jew ixandar waħdu.  Kull darba mmissu mal-kuntrasti bejn il-verità u l-fatti, u fuq in-naħa l-oħra l-perċezzjonijiet varji li jittieħdu.

2.         X’ser jirnexxilu jwassal din id-darba, ma nafx.  Biss, rajt li niżel kmieni wisq fil-leġislatura u qiegħed jidher li qed jirreaġixxi mingħajr ma neċessarjament jaf fejn huwa ser iwassal lilu nnifsu.  Għax hemm ċerti regoli li ftit jistgħu jaħarbu minnhom.  Fil-Gvern, il-partiti politiċi jitilfu mill-udjenza u mill-appoġġ.  Ftit huma dawk li jirnexxilhom il-kontra, imma dan ma jfissirx li hawn f’pajjiżna dan ma jistax iseħħ.  Iktar u iktar b’persuna li rnexxielha tikkonsolida fiha maġġoranza qawwija li ħadd qablu ma rnexxielu.  Imma biex verament jirnexxilek, trid tiċċumbahom bil-preċiż waħda wara l-oħra, u mhux tittama li waħda tpatti għal diversi oħrajn żbaljati.

3.         Hemm ir-realtà tal-fatti li kull mexxej jista’ jew iżomm magħhom jew jaħrab minnhom.  Jiddependi xi jrid għalih innifsu u għal dawk li, f’demokrazija, jirrappreżenta.  Illum hemm konsolidat li diversi deċiżjonijiet mhumiex qegħdin jittieħdu mill-Ministri nfushom, imma direttament miċ-ċentru ta’ Kastilja.  Hemm indħil kontinwu li, fl-aħħar tal-jum, inkwiet ser iġib.  Il-ħsieb li f’kull rokna tal-istituzzjonijiet irid ikun hemm persuni mhux sempliċement lejali, imma lejalissimi, lejn il-Prim Ministru qed idur fuq ilsien in-nies.  Tidher ċara li hemm fissazzjoni qawwija li kull persuna trid tiġi mneħħija u flokha tidħol oħra li mhux neċessarjament għandha l-istess esperjenza jew abbiltà bħal ta’ qabilha.

4.         Dejjem jekk kemm-il darba x-xniegħat isiru realtà, din il-ġimgħa smajna b’numru ta’ tibdiliet oħra, partikolarment fl-amabaxxaturi ta’ pajjiżna.  Huwa ċar li l-għażla qegħda ssir mhux fuq il-merti diplomatiċi jew ta’ konoxxenza diretta tal-affarijiet barranin, imma fuq dawk politiċi.  Ngħid li anqas, fl-opinjoni tiegħi, ma qegħda ssir b’konvinzjoni mill-Ministru jew mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.  Għalhekk, ser nerġgħu nibgħatu barra minn xtutna persuni li ma ġewx imħarrġa għal dak il-post.  Ngħid li, mingħajr ma tagħmilha regola tad-deheb, aktar ma jkollok diplomatiċi tal-karriera iktar aħjar għax tissoda l-livell tagħna.  Dan għax hemm persuni li mhumiex fis-servizz li jistgħu jkunu kapaċi jidħlu jitħalltu u jibdlu ċertu impostazzjonijiet.

5.                  Biss, tant kollox qiegħed isir malajr malajr li l-prudenza u l-għaqal qed jinxeħtu ‘l barra mit-tieqa.  Mhux biss, imma hawn dan l-indħil kontinwu li qiegħed iwassal għal dawn it-tipi ta’ reazzjonijiet reazzjonarji.  Forsi kien ikun aħjar li għażilna triq iktar trasparenti, ġdida u progressiva fejn il-mertu jista’ jiġi mkejjel.  Wara d-diskors kollu li ntqal fil-kampanja elettorali kont naħseb li dan il-Gvern kien jippreferi li jġib lil dawk li beħsiebu jappunta bħala ambaxxaturi quddiem il-Kumitat Parlamentari qabel u, l-ewwel, isir għarbiel u skrutinju demokratiku.  Dan mhuwiex isir, u wisq inqas ser isir, għax dak li ntqal mhuwiex dak li ser isir.  Dan għax jidher ċar li f’moħħ uħud mill-partit li l-maġġoranza elettorali qawwija u tagħhom trid tissarraf b’deċiżjonijiet li jaffermaw b’saħħa, kontra l-forza tar-raġuni, dik l-impożizzjoni.

6.         Hemm diversi kuntrasti li llum, wara d-9 ta’ Marzu, qed jiġu reġistrati mill-poplu.  Altru dak li ntqal fil-kampanja, u altru dak li qiegħed isir.  Altru d-diskors ħelu u li jiġbdek li sar qabel, u altru dak li qiegħed isir illum.  L-impostazzjoni hija lejn impożizzjoni u affermazzjoni li l-poter qiegħed f’idejhom.  Għad-differenza ta’ żmien ieħor, din tal-lum hija soċjetà demokratika fejn il-poplu għandu moħħu ferm iktar miftuħ minn qabel.  Tista’ tipprova tinfluwenzah minn ħafna bumbardamenti fejn tidher il-ħin kollu.  Biss mhuwiex ser jibla’ dak kollu li tgħid, issa meta qiegħed jibda’ jingidem.  U dan mhuwiex ġej għax xi ħadd naqas lill-ieħor fl-istima jew fl-apprezzament tal-kwalitajiet tiegħu, imma għax hemm realtà li kull politiku jrid jiffaċċja.  Fosthom, fortunatament, il-Prim Ministru nnifsu.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...